Sport

Tħeġġeġ lin-nazzjonijiet jingħaqdu għall-Olimpijadi tax-Xitwa 2026

Fil-masġar tal-Olimpja tal-Qedem fil-Greċja il-President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali Kirsty Coventry irnexxielha trażżan l-emozzjoni fil-mument li ħeġġet lin-nazzjonijiet biex jingħaqdu flimkien għall-Olimpijadi tax-Xitwa 2026, fil-mument meta r-relay tat-torċa bdiet minn Olimpja.

Kirsty Coventry kienet qed tindirizza lill-dawk mistiedna waqt iċ-ċerimonja tat-torċa fil-mużew arkeoloġiku ta’ Olympia bħala l-ewwel mara li qed tmexxi l-moviment Olimpiku . Bid-dmugħ f’għajnejha enfasizzat il-qawwa tal-isport li jgħaqqad.

It-torċa Olimpika wara li nġarret mill-Grieg Petros Gaidatzis u miċ-champion Taljana tal-cross-country skiing Stefania Belmondo, ingħata bidu għall-countdown għal-Olimpijadi tax-Xitwa – Milan-Cortina . Mill-mużew Olimpiku it-torċa ttieħdet fil-masġar f’Olimpja fejn twieled il-Logħob tal-qedem fejn inġarret mill-leggenda tal-luge Armin Zoeggeler tal-Italja.

Iċ-ċerimonja biex tinxtegħel il-fjamma Olimpika solitu issir fost il-fdalijiet tat-Tempju ta’ Hera li għandu 2,600 sena, biswit l-istadium fejn twieldu l-Olimpjadi fis-sena 776 QK.

It-temp xitwi qajjem tħassib li ma kienx hemm raġġi tax-xemx li permezz ta’ mera parabolika tinxtegħel il-fjamma Olimpika. Fin-nuqqas ta’ dan, iċ-ċerimonja saret fil-Mużew Olimpiku u ntużat fjamma li nxtegħlet jumejn qabel permezz tax-xemx waqt prova fil-beraħ.

Minn Olympia tal-Qedem fl-4 ta’ Diċembru tgħaddi  fl-Istadium Panatenjk f’Ateni, fejn saru l-ewwel Olimpijadi moderni fl-1896. Minn hemm lejn Ruma għal vjaġġ ta’ 63 jum u 12,000 kilometru mill-bliet ewlenin tal-Italja u s-sit arkeoloġiku ta’ Pompeii.

L-Olimpjadi tax-Xitwa f’Milano u Cortina se jsiru bejn is-6 u t-22 ta’ Frar fl-2026.