It-tesserati Għawdxin tal-Partit Nazzjonalista għada huma msejħa biex jivvutaw ħalli jeleġġu ċ-Chairperson u sitt membri fil-Kumitat Reġjonali ġdid tal-PN f’Għawdex kif ukoll Rappreżentant Distrettwali ta’ Għawdex fil-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.
Il-votazzjoni tas-Sibt 29 ta’ Novembru se tkun qed issir fis-Sub-Headquarters tal-PN f’Ta’ Sannat Għawdex bejn it-8am u s-6pm, u għal dawk li se jinzertaw f’Malta, se tkun qed issir ukoll votazzjoni fid-Dar Ċentrali tal-PN f’Tal-Pietà bejn id-9am u s-1pm.
B’kollox se jsiru tliet elezzjonijiet li għalihom qed jikkontestaw numru ta’ kandidati, fosthom żgħażagħ u nisa.
In-nomini għal dawn l-elezzjonijiet intlaqgħu bejn it-Tnejn 17 u s-Sibt 22 ta’ Novembru u dawn huma l-kandidati għal kull waħda minn dawn l-elezzjonijiet:
Elezzjoni ta’ Chairperson tal-Kumitat Reġjonali tal-PN f’Għawdex (2 kandidati)
- Kevin Curmi
- Noel Formosa
Elezzjoni għal sitt membri tal-Kumitat Reġjonali tal-PN f’Għawdex (9 kandidati)
- Mark Attard
- Maria Bajada
- Eucharist Camilleri
- Jeremy John Hili
- Josef Charles Hili
- Joseph Micallef
- Marcell Tabone
- Tania Vella
- Miriam Zammit
Elezzjoni ta’ Rappreżentant Distrettwali (tal-Kumitati Sezzjonali) fil-Kumitat Eżekuttiv tal-PN (2 kandidati)
- Noel Tabone
- Maria Victoria Theuma
Elezzjoni tal-Kumitat Reġjonali għas-sentejn li ġejjin
It-tesserati kollha tal-PN residenti f’Għawdex setgħu jkunu kandidati fl-elezzjoni għas-sitt membri tal-Kumitat Reġjonali waqt li għall-kariga ta’ Chairperson tal-istess Kumitat setgħu jitfgħu n-nomina tesserati li servew f’kariga uffiċjali f’xi wieħed mill-Kumitati Sezzjonali tar-Reġjun ta’ Għawdex għal mhux inqas minn sentejn.
Fl-elezzjoni għaċ-Chairperson u l-membri tal-Kumitat Reġjonali jistgħu jivvutaw it-tesserati kollha tal-PN residenti f’Għawdex, li fis-17 ta’ Novembru li għadda kellhom is-sħubija aġġornata għas-sena 2025.
Elezzjoni tar-Rappreżentant Distrettwali fil-Kumitat Eżekuttiv
Għal din l-elezzjoni setgħu jikkontestaw il-membri tal-Kumitati Sezzjonali tal-PN f’Għawdex.
F’din l-elezzjoni jivvutaw it-tesserati li huma membri tal-Kumitati Sezzjonali f’Għawdex.
Karta tal-Identità biex tivvota
Il-Kummissjoni Elettorali tal-PN tavża li biex tesserat jivvota f’dawn l-elezzjonijiet ta’ għada jrid jippreżenta l-karta tal-identità.


