Net News jista’ jikkonferma li l-każ tal-plejer ta’ Birkirkara Kemar Reid qed ikun investigat mill-Pulizija Ġermaniża, u żdied ma’ lista ta’ każijiet oħra simili u ta’ scams li saru f’dawn l-aħħar xhur, x’aktarx minn din l-istess organiżazzjoni kriminali illi jidher li għandha riżorsi kbar u taħdem bi professjonalitá kbira. Biex meta jwettqu atti frodulenti, bħal m’għamlu fil-każ tat-trasferiment fittizju ta’ Reid, huma jeliminaw kull dettal li jista’ jwassal għal dubju li dak li jkun qed jagħmlu …jkun b’qerq u falsità.
Fl-aħħar xhur, il-media Ġermaniża rrapurtat diversi każi li huma simili għal dak ta’ Birkirkara.
Stejjer xokkanti, fejn il-vittmi migduma kienu bosta; saħanistra anke plejers professjonali.
Mill-investigazzjoni li kompla jagħmel Net News f’dawn l-aħħar sigħat, jidher ċar li dawn il-persuni kriminali, jaġixxu billi jilgħabu bl-emozzjoni tal-persuna, u li f’ċirkostanzi partikolari, faċilment taf taqa’ vittma ta’ scam li tkun maħduma sal-inqas dettall.
Wieħed minn dawn il-każijiet riċenti, sar fit-tieqa tat-trasferimenti ta’ Jannar li għadda; bil-vittma kien se jkun il-midfielder Franċiz, Julien Maggiotti.
Fl-aħħar ġurnata tas-suq tat-trasferimenti, meta kien għad fadal ftit sigħat qabel ma jagħlaq is-suq, Maggiotti, li kien jilgħab ma’ Bastia, tim f’Ligue 2 fi Franza, irċieva telefonata tal-aħħar minuta, mingħand persuna, li kienet frodista, u qaltlu li hu Benjamin Kessel, id-Direttur Sportiv ta’ Eintracht Brunswick, klabb ieħor Ġermaniż fit-Tieni Bundesliga.
Il-frodist għamel din it-telefonata lil Maggiotti, f’ħin u f’mument maħsub, biex jilgħab bl-emozzjoni tal-plejer li xtaq jiċċaqlaq għal ma’ klabb ieħor. Malli l-frodist kellem lil Maggiotti u esprima l-interess fiħ, il-plejer beda jfittex li jaqbad l-ewwel ajruplan minn Pariġi għall-Ġermanja, sakemm f’waqt minnhom, il-frodist, talab lill-plejer biex qabel ma jitlaq minn Franza, dan jibgħatlu bank transfer ta’ €10,000, li kienu se jkopru t-test mediku li l-klabb, Eintracht Brunswick ried jibbukja għan-nom tiegħu, biex it-trasferiment ikun iffinaliżżat.
Kien f’dan il-mument, li l-aġent tal-plejer, permezz tal-kuntatti tiegħu, tkellem direttament mal-ewwel mal-klabb Ġermaniż, biex jikkonferma li dan it-trasferiment kien ġenwin, u li vera kien hemm interess f’Maggiotti. U hawn inkixef kollox.
Bħal din l-istorja, hemm mijiet oħra, li preżentament jolqtu l-futbol internazzjonali – inkluż f’Malta.


