Diversi ġenituri li għandhom tfal jattendu l-iskola Primarja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi jinsabu rrabjati u diżappuntati għall-fatt li din is-sena mhux se jitħallew jattendu l-kunċert tal-Milied. U allura, mhux se jkunu preżenti għal dan l-avveniment li jkun tant mistenni – apparti li t-tfal se jkunu qed jitilgħu fuq il-palk f’sala vojta.
Id-deċiżjoni tħabbret fl-aħħar jiem permezz ta’ email mibgħut lill-ġenituri tal-istudenti.
“Issa li wasal iż-żmien tal-Milied, qed nippreparaw diversi attivitajiet biex niċċelebraw dan il-perjodu speċjali. Kif tafu, kull sena l-klassijiet jorganizzaw kunċert qasir b’kant, żfin u reċtar. Normalment dan isir fis-sala ż-żgħira tal-iskola u intom tattendu bi ħġarkom. Sfortunatament, din is-sena dan mhux se jkun possibbli minħabba li s-sala ma tistax tintuża.”
Sorsi ta’ Net News spjegaw li bħalissa għaddejin xi xogħlijiet f’din is-sala wara li l-iskola tħalliet għal snin sħaħ f’telqa sħiħa – minkejja l-appelli kbar li saru, anke mill-għalliema stess.
Apparti minn hekk, il-furja tal-ġenituri kompliet tikber wara li qalulhom li se jagħtuhom recording tas-serata; biex huma jaraw il-kunċert wara.
“Madankollu, dan ma jfissirx li ma tarawx it-tfal tagħkom. Għamilna arranġamenti biex nirrekordjaw il-kunċerti u jkollkom l-opportunità tarawhom.”

Ħafna minn dawk li tkellmu ma’ Net News fissru r-rabja tagħhom għall-fatt li l-Gvern baqa’ ma għamel xejn f’din l-iskola. U issa, għax wasal il-Milied, litteralment “ħassrulhom il-festi” bi skuża li għaddej xi forma ta’ xogħol fis-sala fejn isir il-Christmas Concert.
//= $special ?>

