L-awtoritajiet f’Hong Kong komplew bl-arresti ta’ persuni b’konnessjoni ma’ waħda mill-akbar traġedji fl-istorja moderna ta’ din l-eks-kolonja Britannika…Traġedja li rriżultat minn inċidenza tan-nirien li ħakmet kumpless residenzjali ….fejn, skont l-aħħar rapporti, spiċċaw jitilfu ħajjithom xejn anqas minn 130 persuna – b’għexieren oħra jindarbu.
In-nirien fiz-zona ta’ Tai Po huma l-aktar qattiela f’Hong Kong għal dawn l-aħħar 70 sena. u l-awtoritajiet lokali huma determinati biex jagħmlu l-kontijiet ma’ min seta’ kien responsabbli.
L-indikazzjonijiet huma li t-traġedja setgħet kienet dovuta, fost oħrajn, għal negliġenza u nuqqas ta’ ippjanar — u bħalissa, l-emozzjonijiet tal-poplu f’Hong Kong, issa, qed jaqilbu minn xokk u luttu, għal rabja kollettiva.
In-nirien ħakmu l-blokok tal-appartamenti f’zona residenzjali bl-isem ta’ Wang Fuk Court – fejn kienu għaddejjin xi proġetti ta’ rinnovazzjoni.
Il-kawża tat-traġedja tista’ iddum biex tkun iddeterminata b’mod uffiċjali, iżda l-uffiċjali qalu li ammont ta’ scaffolding u netting protettiv li kienu tpoġġew mal-ħitan tal-blokok x’aktarx li iffaċilitaw il-firxa tan-nirien – u b’mod li ma tat l-ebda ċans lil għexieren ta’ persuni biex jaħarbu għal ħajjithom.
Intant, talanqas għaxar persuni qed jinżammu taħt arrest fuq suspett ta’ korruzzjoni relatat max-xogħol ta’ rinovazzjoni fil-binja. Dan meta xi persuni, mifhuma li huma kuntratturi, qed jinżammu taħt arrest – fost akkużi dwar qtil involontarju.
It-traġedja f’Hong Kong ilha l-aħħar jiem tingħata prominenza kbira mill-media internazzjonali u ċ-ċifra tal-vittmi x’aktarx li tkompli tiżdied fil-ġranet li ġejjin. Dan meta diversi midruba fin-nirien għadhom rikoverati l-isptar.
Fl-aħħar sigħat, tkellmu r-rappreżentanti tal-Kummissjoni Indipendenti għal Kontra l-Korruzzjoni f’Hong Kong u qalu li l-investigazzjoni għandha ddum għaddejja sakemm titneħħa kull implikazzjoni ta’ ħtija fuq il-persuni taħt suspett.
Huma, intant, żvelaw li fost l-arrestati hemm xi diretturi ta’ kumpannija tal-inġinerija u subcontrctors ma’ kumpannija ta’ scaffolding – b’dawn qegħdin jgħinu bl-istħarriġ tal-esperti u l-pulizija.
Id-dettalji li ħerġin bħalissa minn Hong Kong jindikaw wkoll li xejn anqas minn 2,400 pumpier kienu involuti fl-impenn għall-kontroll tal-emerġenza tan-nirien wara li l-fjammi nfirxu madwar seba’ minn fost it-tmien blokok tal-appartamenti fiz-zona residenzjali inkwistjoni.
//= $special ?>

