Lokali

Il-Gvern Laburista jaqla’ ċanfira oħra għan-nuqqas ta’ impenn fil-governanza tajba – PN

Fi stqarrija tal-PN iffirmata mix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Joe Giglio, Darren Carabott Shadow Minister għall-Intern u s-Sigurtà u Beppe Fenech Adami Shadow Minister għall-Affarijiet Barranin huma stqarrew li skont l-aħħar rapport ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni GRECO tal-Kunsill tal-Ewropa, Malta għadha lura sew fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u fil-promozzjoni tal-integrità fil-governanza u fl-infurzar tal-liġi, bir-rapport  jappella biex jiġu msaħħa r-riformi kontra l-korruzzjoni kemm fi ħdan il-Gvern Malti kif ukoll fil-Korp tal-Pulizija.

L-aħħar aġġornament tal-Group of States Against Corruption (GRECO) dwar Malta kkonkluda li pajjiżna implimenta b’mod sodisfaċenti biss tmienja minn 23 rakkomandazzjoni, filwaqt li sebgħa oħra huma biss parzjalment implimentati u fuq it-tmienja l-oħra ma sar xejn.

B’hekk, jgħid ir-rapport, Malta għadha mhix konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO.

Din hija konferma oħra li l-Gvern Laburista qed ikompli jfalli b’mod sistematiku fil-qasam tal-governanza, it-trasparenza u t-tmexxija responsabbli tal-istat.

Ir-rapport jenfasizza li, minkejja li saru xi passi żgħar fil-qasam tal-ġustizzja kriminali u l-Korp tal-Pulizija, il-progress jibqa’ limitat ħafna u li nuqqasijiet kruċjali fil-qalba tal-eżekuttiv qed iħallu lill-pajjiż espost għal riskji akbar ta’ korruzzjoni.

Il-GRECO talab lill-awtoritajiet Maltin biex sat-30 ta’ Ġunju 2026 jippreżentaw rapport ieħor ta’ progress, u f’pass li rari jittieħed, talab li tintbagħat ittra lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin biex tkun enfasizzata l-urġenza ta’ riformi reali u konkreti.

Dan l-aħħar rapport ikompli jikkonferma n-nuqqas ta’ impenn u kredibbiltà tal-Gvern Laburista fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista jerġa’ jtenni l-impenn tiegħu għal sistema li taħdem b’serjetà, b’ġustizzja u bi standards għoljin ta’ integrità pubblika. Malta jistħoqqilha ħafna aħjar minn dan il-livell ta’ falliment istituzzjonali.