Lokali

Il-Gvern Malti mhux juri progress biex jipprevjeni “korruzzjoni fl-eżekuttiv”

Rapport ieħor tal-GRECO mill-Kunsill tal-Ewropa kompla jikxef kif il-Gvern mhux jimxi mar-rapporti li qed jiġbdulu l-attenzjoni dwar governanza tajba u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

Fil-fatt, bħala dokument addizzjonali mat-tieni Rapport ta’ Compliance fil-konfront tal-Gvern Malti, il-GRECO wera kif minn Kastilja implimentaw biss 8 rakkomandazzjonijiet minn 23. Seba’ ġew indirizzati parzjalment, filwaqt li tmienja oħra ma ġewx implimentati.

Għalkemm isemmi li saru avvanzi, il-GRECO jgħid li hemm nuqqasijiet li għadhom qed jippersistu, speċjalment f’affarijiet li jaffetwaw l-integrità tal-operat tal-Gvern u anke l-korruzzjoni – b’mod speċifiku fl-eżekuttiv tal-pajjiż. Fi kliem sempliċi, il-Kunsill tal-Ewropa qed jiġbed l-attenzjoni u jwissi dwar l-operat tal-Gvern u t-tmexxija ta’ entitajiet governattivi.

Issa, il-Kunsill tal-Ewropa ta ultimatum lill-Gvern ta’ Robert Abela sa Ġunju li ġej sabiex ifassal rapport dwar il-punti li għadhom ma ġewx indirizzati. Għalhekk, il-GRECO stieden lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa biex jikteb lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin Malti u tinġibed l-attenzjoni dwar dawn in-nuqqasijiet.