Il-Parlament Ewropew illum approva, b’maġġoranza kbira, ir-riżoluzzjoni miktuba minn Peter Agius f’isem il-grupp tal-PPE li tħeġġeġ għar-riforma tal-proċeduri ta’ reklutaġġ tal-UE u tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO).
Il-vot isegwi aħbarijiet riċenti tal-Kummissjoni Ewropea li indikaw nuqqas ta’ bilanċ ġeografiku u rappreżentanza taċ-ċittadini Maltin fil-gradi tagħha fi Brussell, kif ukoll diversi ilmenti minn dawk li japplikaw għar-reklutaġġ tal-UE dwar proċeduri ta’ eżamijiet li ma jaħdmux kif suppost.
Jilqa l-appoġġ qawwi tal-plenarja, l-MEP Agius qal: “Illum nibagħtu sinjal ċar li rridu l-Unjoni tagħna terġa’ tkun eżempju ta’ reklutaġġ miftuħ u oġġettiv li jagħti ċans lil kull Ewropew jingħaqad mas-servizz pubbliku tal-UE. Għal dan għandna bżonn tiġdid fis-sistemi ta’ reklutaġġ li jagħti aktar għażliet ta’ testijiet u lingwi lill-kandidati, u li jiżgura trattament ugwali u eżamijiet bla problemi.’’
Il-vot ta’ llum ikkonsolida xhur ta’ negozjati mmirati biex jindirizzaw tħassib li ilu jeżisti dwar il-ġestjoni ħażina persistenti tas-sistema tat-testijiet online tal-EPSO, li ripetutament naqset milli twassal riżultati affidabbli u f’waqthom għall-applikanti li jipparteċipaw fil-kompetizzjonijiet tal-EPSO, b’eżamijiet imfixkla nofs triq, sessjonijiet ripetuti u oħrajn ikkanċellati.
Ir-riżoluzzjoni tal-PE miktuba mill-MEP Agius titlob skadenzi aktar ċari, aktar trasparenza, u proċess ta’ għażla aktar favorevoli għall-kandidati bil-għan li terġa’ tinbena l-fiduċja fir-reklutaġġ tal-UE u li l-istituzzjonijiet jibqgħu kompetittivi fis-suq tax-xogħol tal-lum.
“L-Ewropa ma tistax taffordja sistema ta’ reklutaġġ li tfalli għall-istituzzjonijiet tagħha,” sostna Agius. “Irridu l-aqwa talenti tal-Ewropa jaħdmu magħna jekk irridu nwettqu l-aspirazzjonijiet importanti taċ-ċittadini Ewropej.”
Ir-riforma ssaħħaħ ukoll is-superviżjoni tal-Parlament fuq il-programm ta’ ħidma annwali tal-EPSO – element li ilhom jitolbu l-grupp tal-PPE sabiex jiġi żgurat allinjament bejn il-ħtiġijiet istituzzjonali u l-ippjanar operattiv tal-EPSO.
Sabiex jispjega aħjar is-sejħa tal-Parlament Ewropew għar-riforma tar-reklutaġġ tal-UE u biex jiddeskrivi l-opportunitajiet tal-UE għaż-żgħażagħ, l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta se jorganizza sessjoni ta’ Mistoqsijiet u Tweġibiet mal-MEP Peter Agius nhar is-Sibt 6 ta’ Diċembru fl-10:00.
//= $special ?>

