Internazzjonali

Il-PM Grieg ifaħħar lil Metsola għat-tmexxija deċiżiva tagħha favur iċ-ċittadini

Il-President Roberta Metsola qalet li l-Parlament Ewropew se jidħol għan-negozjati tal-baġit Ewropew b’impenn qawwi fuq l-ekonomija, s-sigurtà, u l-kompetittività. Hija enfasizzat li l-finanzjament tal-UE għandu jiġi investit b’mod trasparenti u effettiv biex jiġi żgurat li jilħaq direttament lill-familji, in-negozji, u l-bdiewa li l-aktar jeħtiġuh.

Waqt żjara uffiċjali f’Ateni, il-President Metsola kellha laqgħa mal-Prim Ministru tal-Greċja Kyriakos Mitsotakis, fejn faħħret l-irkupru ekonomiku tal-pajjiż.

Il-Prim Ministru tal-Greċja esprima l-gratitudni tiegħu li f’dan iż-żmien diffiċli, Roberta Metsola hija l-President tal-Parlament Ewropew. Kompla li hija wriet li kapaċi tieħu deċiżjonijiet biex ikun jista jsir dak li hu meħtieġ biex l-Ewropa tavvanza u tindirizza l-bżonnijiet taċ-ċittadini tagħha.

Il-President Metsola pparteċipat f’diskussjoni mal-istudenti ffukata fuq kif il-ġenerazzjoni li jmiss ta’ Ewropej tista’ tkun imsaħħa, flimkien mal-Prim Ministru Mitsotakis.

Iż-żjara tal-President Metsola bdiet b’laqgħat ta’ livell għoli mal-President tar-Repubblika Ellenika Konstantinos Tasoulas u l-Ispeaker tal-Parlament Elleniku Nikitas Kaklamanis. Fil-kapitali Griega, hija inawgurat ukoll uffiċjalment iċ-ċentru l-ġdid ‘Europa Experience’.

Il-President Metsola laqgħet l-istedina mill-Ambaxxatur Joseph Cuschieri u żaret ukoll l-Ambaxxata Maltija f’Ateni. Waqt laqgħa mal-Ambaxxatur Malti, hija rringrazzjat lill-ħaddiema tal-ambaxxata għas-servizz tagħhom.