Bir-riżultat tal-bieraħ, Ħamrun Spartans issa ssuperaw l-ammont ta’ €4 miljun f’dħul minn prize money mill-UEFA
L-għada tar-rebħa ta’ Ħamrun Spartans kontra Lincoln Red Imps FC, champions ta’ Ġibiltà, l-ewforija fost il-Ħamruniżi hija waħda kbira, u bir-raġun. L-argument ta’ min qed jipprova jnaqqas mil-mertu ta’ din ir-rebħa għaliex l-avversarji tal-Maltin ġejjin minn pajjiż fejn ir-ranking attwali tat-tim nazzjonali hu bil-wisq l-isfel minn dak ta’ Malta, ma jagħmilx sens u jkun żball oħxon jekk wieħed iqabbel is-saħħa ta’ dawn iż-żewġ timijiet fuq ir-ranking tal-FIFA tal-pajjiżi li jirrapreżentaw.
Hu fatt li r-reputazzjoni ta’ Ġibiltà, speċjalment fejn jidħol it-tim nazzjonali, m’hijix waħda tajba tant li skont l-aħħar klassifika tal-FIFA, Ġibiltà komplew jitilfu aktar postijiet fir-rankings mondjali, u attwalment jinsabu fil-202 post, b’Malta kompliet tavvanza aktar ‘il fuq f’din il-klassifika, u preżentament ninsabu fil-161 post.
Il-kejl li għandu jsir, biex wieħed jifhem u japrezza s-sinifikat tar-rebħa Ħamruniża, hu permezz tal-koeffiċjent tal-UEFA li għandhom iż-żewġ klabbs rispettivi. Lincoln Red Imps FC għandhom koeffiċjent bil-wisq aħjar minn dak ta’ Ħamrun Spartans. Fl-aħħar snin, il-prestazzzjonijiet u r-riżultati miksuba minn klabb li llhom kważi 50 sena mmwaqfa, kienu aħjar minn dawk ta’ Ħamrun Spartans. It-tragward storiku li qed jiċċelebraw dan l-istaġun il-Ħamruniżi, Lincoln Red Imps FC irnexxilhom jaslu għaliħ fl-istaġun 2021/22. Għalhekk din hija t-tieni darba li Lincoln Red Imps FC qed jilgħabu f’dan l-istadju tal-UEFA Conference League. Fil-klassifika tal-koeffiċjent tal-UEFA, iċ-champions ta’ Ġibiltà jinsabu fil-151 post filwaqt li Ħamrun Spartans jinsabu fil-195 post.
Qabel il-konfront tal-bieraħ f’Ta’Qali, Lincoln Red Imps FC kienu ġejjin minn żewġ riżultati pożittivi f’din il-kompetizzjoni Ewropea, tant li sal-lum diġa’ għandhom erba’ punti wara erba’ match days tal-UEFA Conference League. Huma għelbu lil Lech Poznan tal-Polonja 2-1, f’dak li kien meqjus bħala l-aktar riżultat sorprendenti u f’match day 3, temmew draw ta’ 1-1 HNK Rijeka tal-Kroazja.
Fl-istess waqt ma rridux ninsew li sena llu Ħamrun Spartans kien sfaw eliminati minn dan l-istess tim li lagħbu kontra tiegħu l-bieraħ, Lincoln Red Imps FC, fl-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League. Madankollu, biex il-kejl ikun ġust u korrett, il-valur tal-iskwadra Ħamruniża llum hi stmata ferm iktar minn dik ta’ Lincoln Red Imps FC, biċ-champions Malti preżentament għandhom skwadra li tiswa’ €5.31 miljuni waqt li l-valur attwali tal-plejers li għandhom l-avversarji li lagħbu kontra tagħhom il-bieraħ, hu b’inqas b’iktar minn nofs ta’ kemm jiswa’ illum it-tim taħt it-tmexxija ta’ Giacomo Modica; €2.04 miljuni.
Iżda l-ferħ u ċ-ċelebrazzjonijiet tat-tmexxija u plejers Ħamruniżi, mat-tmiem tal-partita tal-bieraħ imorru lilhinn mir-rebħ ta’ tliet punti u l-fatt li l-bieraħ inkitbet parti oħra mill-istorja tal-futbol Malti, iżda wieħed irid iżomm f’moħħu l-inċentiv finanzjarju li din ir-rebħa kompliet tagħti lil Ħamrun Spartans dan l-istaġun.
Id-dħul finanzjarju li s’issa bbenefikaw minhu l-Ispartans, permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-Ewropa kompla jiżdied għal somma rekord u bla preċident fl-istorja ta’ klabb Malti fl-Ewropa. Bir-rebħa tal-bieraħ, Ħamrun Spartans aċċertaw mid-dħul ta’ €400,000 oħra, biex b’hekk l-ammont sħiħ li s’issa rrnexxilhom igawdu minhu l-klabb Malti, sforz ir-riżultati miksuba dan l-istaġun fl-Ewropa, qed jissupera l-€4 miljuni. Dan l-ammont faċilment jista’ jkompli jikber, hekk kif ir-rebħa tal-bieraħ kontra Lincoln Red Imps FC, qed tħalli lil Ħamrun Spartans b’ċans realistiku li jistgħu javvanzaw għall-istadju li jmiss ta’ din il-kompetizzjoni, kemm il-darba jirnexxilhom jiġbru aktar punti fl-aħħar żewġ partiti li għad iridu jilgħabu f’dan l-istadju tal-UEFA Conference League kontra Shakhtar Donetsk tal-Ukrajna, fil-11 ta’ Diċembru liu ġej u ġimgħa wara, kontra Shamrock Rovers tal-Irlanda, f’dik li se tkun l-aħħar logħba tal-Maltin f’dan l-istadju ta’ din il-kompetizzjoni. Sabiex Ħamrun Spartans javvanzaw għall-play-offs, jeħtieġ li jirnexxilhom jiksbu biżżejjed punti li jpoġġuhom mal-ewwel 24 tim, wara match day 6, fil-klassifika fiunali tal-UEFA Conference League.
//= $special ?>

