Internazzjonali

Iżrael iwettaq l-akbar rejd fis-Sirja

It-truppi ta’ Iżrael, fl-aħħar sigħat, wettqu wieħed mill-aktar rejds qattiela fis-Sirja għal diversi xhur ….u li fih sfaw maqtula talanqas 15-il persuna.

Il-kelliema għall-Armata Iżraeljana qalu li t-truppi tagħhom wettqu rejd fuq villaġġ mal-periferija tal-Għoljiet tal-Golan, bil-ħsieb li jkissru grupp ta’ militanti li, allegatament, kien qed jippjana attakki terroristiċi fuq iċ-ċivili Iżraeljani.

Fost il-maqtula kien hemm ukoll it-tfal – bir-rapporti jgħidu li r-residenti fl-inħawi ta’ Beit Jinn spiċċaw jikkonfrontaw lit-truppi li daħlu fl-artijiet tagħhom – bil-konsegwenza li seħħew numru ta’ sparaturi.

Fl-istess ħin, l-ajruplani tal-gwerra ta’ Iżrael attakkaw numru ta’ siti fis-Sirja, fejn x’aktarx kien hemm entitajiet tal-militanti. Ingħad ukoll li kkrollaw xi binijiet li spiċċaw milqutin minn baraxx ta’ missili.

Iżrael qed jinsisti li, minkejja t-tmiem tar-reġim tal-eks-President Sirjan Bashar al-Assad, fis-Sirja fadal xorta entitjiet militanti li qegħdin ifasslu strateġiji ta’ terrur diretti lejn Iżraeljani.

L-aħħar rapporti, intant, qalu li talanqas sitt suldati Iżraeljani sfaw midruba waqt ir-rejd u li t-truppi anki wettqu numru ta’ arresti.

L-Armata Iżraeljana, fl-aħħar sigħat, qalet li qed tagħmel minn kollox biex telimina t-theddida tal-grupp tal-militanti li qed jopera mill-artijiet tas-Sirja. Fil-fatt, ir-rejd sar bl-impenn speċifiku li jinqatlu jew jinqabdu l-kapijiet ta’ dan il-grupp.