Ambjent Lokali

L-ajruport Internazzjonali ta’ Malta jnaqqas l-użu ta’ 741,000 flixkun tal-plastik

Bejn l-2019 u l-2024, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta naqqas l-iskart li jintrema fil-landfill b’20 fil-mija, anke jekk it-traffiku tal-passiġġieri żdied bi 23 fil-mija, xhieda tal-impenn tal-kumpanija li tnaqqas l-impatt ambjentali kkawżat mill-operat tagħha.

L-introduzzjoni tal-ġbir tal-iskart organiku fl-2021 ħalla riżultati immedjati, bl-iskart li jintrema fil-landfill jonqos b’disa’ fil-mija meta kkumparat mas-sena ta’ qabel, filwaqt li żdied sostanzjalment ir-riċiklaġġ. Biex tħeġġeġ anke lill-impjegati tagħha jisseparaw aħjar l-iskart, fis-sena ta’ wara l-kumpanija introduċiet bonus li jingħata skont jekk il-kumpanija tilħaqx il-miri tagħha għat-tnaqqis tal-iskart li jintrema fil-landfill iġġenerat għal kull passiġġier.

“Nemmnu li l-immaniġġjar responsabbli tal-iskart u r-riżorsi jiddependi min-nies daqskemm jiddependi mill-proċessi. Meta wieħed iqis li eluf ta’ persuni jaħdmu fl-ajruport, it-tkabbir tal-għarfien u mġiba iżjed responsabbli huma kruċjali biex nilħqu l-miri tagħna li nnaqqsu l-iskart li jintrema fil-landfill u anke nagħmlu l-operat tagħna iżjed sostenibbli,” qalet Justine Baldacchino, Kap tad-Dipartiment tas-Sostenibilità u l-Analitikà fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Il-ġimgħa li għaddiet, l-impjegati tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kienu mistiedna jattendu għal sessjoni ta’ taħriġ, b’kollaborazzjoni ma’ WasteServ, bħala parti mill-Ġimgħa Ewropea għat-Tnaqqis tal-Iskart (EWWR), iċċelebrata bejn it-22 u t-30 ta’ Novembru. Matul din is-sessjoni ġew diskussi temi marbuta mal-immaniġġjar tal-iskart f’Malta, id-differenza bejn l-iskart iġġenerat fid-djar u dak kummerċjali u anke l-impatt sinifikanti li deċiżjonijiet żgħar u ta’ kuljum jista’ jkollhom fuq l-ambjent.

Apparti inizjattivi interni, il-kumpanija taħdem biex anke l-istakeholders u l-imsieħba kollha jkunu parteċipi fl-impenn tagħha li timmaniġġja aħjar l-iskart. Fl-2024, introduċiet klawżoli ambjentali, inkluż dawk marbuta mal-immaniġġjar tal-iskart, fit-tenders, bil-għan li l-kumpaniji ppreferuti jkunu dawk li għandhom prattiki ambjentali b’saħħithom u konformi mar-regoli speċifiċi tal-industrija li joperaw fiha.

“Meta l-iskart huwa ġġenerat minn aktar minn 5,000 impjegat u stakeholder, flimkien ma’ aktar minn disa’ miljun passiġġier, l-immaniġġjar tiegħu jsir wieħed kumpless, iżda fl-istess waqt joffri opportunità akbar biex inħallu impatt pożittiv. Kumplessità oħra hija l-fatt li l-ajruport irid jimmaniġġja aktar minn 10 kategoriji ta’ skart li jeħtieġ jiġu mormija b’modi differenti,” spjegat Rosemarie Barbara, Speċjalista fl-Amministrazzjoni u l-Indafa fi ħdan l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Anke l-passiġġieri huma parti mis-soluzzjoni u għalhekk li huma mħeġġa biex jarmu l-iskart tagħhom fil-kontenituri t-tajba u anke jagħmlu użu minn fliexken li jistgħu jerġgħu jintużaw u li jistgħu jimlew b’xejn mit-tliet funtani tal-ilma tax-xorb mifruxa madwar it-terminal. Huwa stmat li bejn l-2021 u l-2024, din l-inizjattiva ffrankat l-użu ta’ 741,000 flixkun tal-plastik.

Biex iwessa’ l-impatt tiegħu lil hinn mit-terminal, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, permezz tal-Malta Airport Foundation, qed ikun ta’ appoġġ għal diversi inizjattivi lokali. Fost dawn, kull sena, il-Fondazzjoni torganizza attivitajiet ta’ tindif taħt il-baħar. Mill-2020 ‘l hawn, madwar 14-il tunnellata ta’ skart ittella’ minn qiegħ il-baħar. Il-Fondazzjoni sponsorjat ukoll żewġ Seabins, li jgħinu sabiex l-ibħra tagħna jkunu aktar nodfa.