L-ewwel edizzjoni tal-wirja tal-Milied ‘Mill-Maxtura tal-Bambin’,se ssir fil-Maħżen tal-Armar ta’ Triq il-Karmelitani l-Fgura bejn it-Tnejn 1 u l-Ħadd 7 ta’ Diċembru. Il-ħinijiet tal-wirja huma fost il-ġimgħa bejn is-6:00pm u t-8:30pm filwaqt li fi tmiem il-Ġimgħa l-ħinijiet ikunu bejn l-10:00am u nofsinhar u filgħaxija bejn il-5:00pm u l-11:00pm.
Fil-passat, l-Għaqda tellgħet diversi wirjiet tal-Milied ġewwa l-Maħżen tal-Armar u għalhekk dawk il-memorji mill-aħħar tas-snin disgħin baqgħu dejjem ħajjin fl-imħuħ tal-membri. Ix-xewqa li xi darba jerġgħu jidhru fil-maħżen ma kinetx sigriet.
Il-Wirja ‘Mill-Maxtura tal-Bambin’ tinkludi fiha diversi esebiti ta’ kwalità li jvarjaw minn presepji Naplitani fil-forma tradizzjonali tagħhom ta’ rovina kif ukoll oħrajn Maltin li huma magħmula mill-jablo u l-kartapesta Maltija. Il-pasturi li nsibu jvarjaw ukoll minn tafal, terracotta, injam u ġibs. Ma jonqsux ukoll il-Bambini minn kollezzjonijiet privati.
//= $special ?>

