Waqt il-laqgħat tal-kumitati tal-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran (PA-UfM) li saru f’Cairo dalgħodu, l-Ispeaker Anglu Farrugia pparteċipa u indirizza lill-membri preżenti f’diversi kumitati, l-aktar billi enfasizza l-ħtieġa għal azzjoni konkreta u li tista’ titkejjel fir-reġjun Mediterranju.
L-Ispeaker Farrugia indirizza l-Kumitat dwar l-Affarijiet Politiċi, is-Sigurtà u d-Drittijiet tal-Bniedem u qal li għalkemm il-Barcelona Process ilu magħna għal tletin sena, il-Mediterran għadu mmarkat minn instabbiltà, nuqqas ta’ fiduċja u potenzjal mhux milħuq. L-Ispeaker Farrugia saħaq li Malta tinsab fiċ-ċentru tal-Mediterran u tista’ titkellem għaż-żewġ naħat tal-kosta tagħha, kemm bħala membru fl-Unjoni Ewropea kif ukoll bħala pajjiż qrib u storikament marbut man-Nofsinhar tal-Mediterran u mal-Lvant Nofsani.
L-Ispeaker Farrugia enfasizza li din l-Assemblea Parlamentari teħtieġ rwol operattiv aktar strutturat. Huwa importanti li din l-istituzzjoni timxi ’l quddiem minn dikjarazzjonijiet għal azzjoni. Farrugia talab li kull Kumitat jipproponi riforma li tista’ titkejjel għal din l-istituzzjoni; li l-Uffiċċju (Bureau) tagħha jippubblika mappa annwali tal-Governanza Mediterranja; u li ż-żgħażagħ jiġu mistiedna bħala osservaturi għas-sessjonijiet futuri tal-Assemblea.
L-Ispeaker Farrugia intervjena wkoll waqt il-Kumitat dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, l-Affarijiet Soċjali u l-Edukazzjoni. Hu tenna l-messaġġ tiegħu dwar il-ħtieġa ta’ istituzzjoni parlamentari li tqiegħed l-azzjoni fil-qalba tagħha.
L-Ispeaker saħaq li, sfortunatament, ir-reġjun Mediterranju ilu għal żmien twil jissejjaħ bħala “kuridur ta’ kriżi”. Madankollu, dan ir-reġjun għandu potenzjal enormi, b’żgħażagħ motivati, riżorsi kbar u rabtiet storiċi ta’ kummerċ u kultura.
L-Ispeaker Farrugia huwa mistenni wkoll li jindirizza s-Summit tal-Ispeaker.
Id-delegazzjoni mmexxija mill-Ispeaker tinkludi wkoll lil Bernice Bonello, Carmelo Abela u Amanda Spiteri Grech.
//= $special ?>

