Edukazzjoni Lokali

L-MUT b’ultimatum lill-Prinċipal u l-Kap Eżekuttiv tal-MCAST

Għaxart ijiem ilu Net News kien irrapporta dwar sitwazzjoni inkwetanti… fejn il-letturi tal-MCAST għadhom ma rċivewx l-arretrati dovuti lilhom. Bl-istorja kienet tgħid illi l-letturi kienu mwegħda ħlas f’Novembru.

Iżda issa, il-paga ta’ Novembru ħarġet – u dawn il-letturi għadhom bla arretrati.

Kien għalhekk li l-MUT bagħtet komunikat lill-Prinċipal u s-CEO tal-MCAST fejn saħqet li qed tagħti lil din l-istituzzjoni ultimatum, biex il-pagamenti kollha jinħarġu sa Diċembru.

Fl-email, l-MUT spjegat li kienet qed issegwi l-kwistjoni tal-aġġustamenti tas-salarju u l-arretrati fuq il-bażi tal-ftehim kollettiv il-ġdid matul l-aħħar xhur. U filwaqt li tifhem li din ma tammontax għal ammont żgħir ta’ flus, madanakollu xorta waħda t-tieni wegħda ma nżammitx hekk kif il-letturi għadhom mingħajr il-pagamenti dovuti lilhom.

Il-ħlas ta’ Ottubru suppost kellu jinkludi l-pagamenti kollha bl-arretrati. Madankollu dan il-pagament kien pospost għal Novembru.

Però issa li l-pagament ta’ Novembru xorta ħareġ mingħajr l-arretrati.

Għalhekk l-MUT, segwiet kif dawn l-aħħar żewġ wegħdiet ma ġewx miżmuma mill-Gvern u mill-MCAST. U ma hemmx garanzija li dawn il-pagamenti se jkunu fil-paga ta’ Diċembru.

Dan id-dewmien qed iseħħ minkejja li l-letturi xorta waħda qegħdin jagħtu s-servizz tagħhom.