Opinjoni

OPINJONI: Il-piż tal-ikel fuq l-għoli tal-ħajja

L-ikel għandu impatt qawwi fuq l-inflazzjoni. Dan jagħmel l-akbar piż fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut. Hu wkoll l-aktar komponent fejn il-prezzijiet ivarjaw, anke għall-fatt li pajjiżna jimporta l-parti l-kbira tal-ħtiġiet tiegħu. Kif taraw fit-tabella li qed takkupanja din il-kitba, tneħħi għal Jannar, l-ikel kien dejjem ogħla mill-inflazzjoni tad-diviżjonijiet kollha li fuqhom jinħadem l-għoli tal-ħajja. Hemm xhur fejn l-ikel kien 50 fil-mija ogħla mir-rata tal-inflazzjoni.... U anke aktar.

Joe M. Zahra

L-inflazzjoni tal-ikel kellha medja ta’ 4.09 fil-mija bejn 2011 u l-2025. L-ogħla xahar tal-inflazzjoni tal-ikel kien Ottubru 2022 meta laħqet 14.3 fil-mija. L-ikel hu l-komponent li jolqot lill-akbar ammont ta’ nies — anzi jolqot lil kulħadd, min b’ħafna u min bi ftit… Jolqot l-aktar lil dawk li jgħixu fuq dħul li ma jiċċaqlaqx bħall-pensjonanti u persuni bi dħul minimu. Din il-kategorija tal-poplu l-ewwel infiq tagħhom jiddedikawh għall-ikel — bir-riżultat li aktar ma jogħla l-ikel inqas ikollhom flus biex jonfqu għal affarijiet oħra. B’hekk ikunu qed ibaxxu l-livell tal-għajxien tagħhom.
Jien ma nistax nifhem kif il-Gvern ma jindunax li l-affarijiet mhumiex sejrin tajjeb meta għandna 108,000 fil-faqar u fir-riskju tal-faqar. Meta dawn flok jonqsu qed jiżdiedu. Ma nifhimx kif il-Gvern ma jindunax li l-anzjani f’pajjiżna mhux qed ilaħħqu mal-prezzijiet meta llum hemm 31,000 fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, meta fl-2013 in-numru kien ta’ 14,000!

Deroga mill-VAT fuq l-ikel
Il-prezz tal-ikel kien ikun ferm ogħla li kieku Gvern Nazzjonalista ma rnexxilux jikseb għal Malta deroga fejn ma jitħallasx il-VAT fuq l-ikel. Deroga li bħalha għandha biss l-Irlanda. Din id-deroga taffettwa dak kollu li nixtru bħala ikel, iżda ma taffetawax ir-ristoranti.
Meta nitkellmu dwar l-għoli tal-ikel dan ifisser żieda fuq il-prezzijiet li tiġi fuq żidiet oħra li jkunu diġà għamlu l-impatt tagħhom fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet u allura fuq ir-rata tal-inflazzjoni. Biex inkunu nistgħu ngħidu li l-prezzijiet tal-ikel naqsu jrid ikun hemm statistika li turi taħt iż-żero għaliex kwalunkwe ċifri li juru żieda tkun tfisser prezzijiet ogħla.
Pajjiżna jimporta l-akbar parti tal-ħtiġiet tiegħu tal-ikel. Għalhekk jekk dan jogħla minn barra l-effett ta’ dan jaqa’ fuqna direttament. Jaffettwana wkoll it-trasport bil-baħar li, kulmeta jogħla, jogħlew miegħu l-prezzijiet tal-ikel.
Hemm, imbagħad, żidiet fil-prezzijiet li jogħlew lokalment. U jekk prodott agrikolu jkollu domanda aktar milli r-raba pproduċiet il-prezz se jogħla wkoll. Ma ninsewx li l-popolazzjoni ta’ pajjiżna żdiedet b’160,000 fl-aħħar tnax-il sena… Kif nafu li t-turiżmu tal-massa qed ikompli jżid il-popolazzjoni b’medda ta’ 80,000 kuljum – ċifra li togħla fix-xhur tas-sajf u li tonqos, anke jekk mhux b’ħafna, fix-xhur tax-xitwa.
Iż-żieda fil-popolazzjoni wkoll għandha impatt fuq il-prezzijiet…. Impatt li jkun jerġa’ aktar pronunzjat fix-xhur tas-sajf.

Il-ħela tal-ikel
Filwaqt li l-ikel jogħla, qed dejjem tiżdied il-ħela tal-ikel. Fl-2021, fl-Unjoni Ewropea, kienu ġenerati 58 miljun tunnellata skart tal-ikel. Dawn ifissru 131 kilogramma kull persuna… Ħela kalkulata li tammonta għal €132 biljun ewro u li fuq kollox tiġġenera 252 miljun tunnellata ta’ dijossidju tal-karbonju li hu komponent qawwi li jaffettwa t-tibdil fil-klima. Fl-istess ħin, filwaqt li nħlew 10 fil-mija tal-ikel disponibbli għall-konsumaturi fl-Unjoni Ewropea, instab li 37 miljun persuna ma kenux jaffordjaw ikla ta’ kwalità waħda f’kull jumejn!
Fl-2022, Malta ġenerat 86,295 tunnellata ta’ skart mill-ikel. Minn dawn, 53 fil-mija kienu ġenerati fid-djar; 31 fil-mija minn servizzi tal-ikel u r-ristoranti waqt li madwar 22 fil-mija tal-ikel inxtara u nħela. Il-Eurostat ta ċifra ta’ ħela għal Malta meqjusa bħala ta’ 162 kilogramma għal kull abitant — bit-turisti jipproduċu d-doppju tal-iskart muniċipali tal-abitanti Maltin u Għawdxin; jiġifieri ħafna iżjed mill-medja fl-Unjoni Ewropea. L-iskart mill-ikel, intant, jiġġenera l-emissjonijiet tal-gass li jagħmlu ħsara kbira lill-ambjent.

Il-mozzjoni ta’ Ivan Bartolo
L-Unjoni Ewropea qed tintroduċi miri li jorbtu legalment biex, b’hekk, titnaqqas il-ħela mill-ikel.
L-Istati membri jridu, sal-2030, jiksbu 10 fil-mija tat-tnaqqis (f’ħela) fil-proċess tal-manifattura u 30 fil-mija ta’ tnaqqis ta’ ħela minn ras għal ras fil-bejgħ bl-imnut, mis-servizzi tal-ikel, u mill-familji.
Id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo, sentejn ilu, ippreżenta mozzjoni fil-Parlament dwar il-ħela tal-ikel, bl-iskop li jindirizza l-problema tal-malnutriżmu u n-nuqqas ta’ sigurtà fl-ikel. Hu propona liġi li tillimita l-ħela fl-ikel, filwaqt li tiżgura li l-ebda ċittadin ma jispiċċa nieqes minn prodotti tajbin għas-saħħa, friski u nutrittivi.
Din iI-mozzjoni hi parti minn aġenda tal-Partit Nazzjonalista li qed jipproponi żvilupp sostenibbli li jiġġieled lill-l-faqar…Faqar li f’pajjiżna reġa’ refa’ rasu mill-ġdid.
L-impatt ambjentali mill-ħela tal-ikel qed jiżdied u l-mozzjoni ta’ Ivan Bartolo qed taħseb ukoll f’atteġġjament aktar sostenibbli fil-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-konsum tal-ikel. Jirriżulta li l-proposti li għamel Ivan Bartolo fl-2023 daħlu fil-baġit tas-sena d-dieħla.
Kollox jindika li filwaqt li l-prezz tal-ikel qed jiżdied minn jum għall-ieħor, fenomenu li qed ipoġġi ħafna nies fil-faqar u fir-riskju tal-faqar jibqa’ il-ħela rampanti ta’ proprju dan l-ikel… Ikel li jista’ jmur fis-soup kitchens li qed jiżdiedu u li qed jitimgħu eluf ta’ nies li m’għandhomx il-mezzi biex jieklu platt sħun… Soup kitchens li minn xi daqqiet ibatu biex isibu l-mezzi biex jitimgħu lil daqshekk persuni.
Il-bilanċ irid jinstab għaliex mhux sew li tkompli titwessa d-differenza bejn min għandu ħafna u min m’għandu xejn…. Bejn min hu mejjet fis-sakra u min hu mejjet għal qatra.

Dan l-artiklu deher f’In-Nazzjon tal-Ġimgħa 28 ta’ Novembru, 2025.