Lokali Qorti

Ordnat kumpens ta’ €195,000 mill-Avukat tal-Istat fuq propjetà mikrija lill-klabb tal-futbol

Kumpens ta’ €195,302.74 ġie ordnat mill-Qorti Kostituzzjonali li jrid jingħata mill-Avukat tal-Istat bħala rimedju għal ksur tad-drittijiet fundamentali ta’ sidien ta’ propjetà f’San Ġiljan, li għal snin twal kienu maqbuda f’regim ta’ kirja li ċaħħadhom mill-libertà li jgawdu l-proprjetà tagħhom kif jixraq.

Il-Qorti sabet li dawn is-sidien Julian Mifsud u Maria Dolores Dalli kienu esposti għal sistema li imponiet piż sproporzjonat fuqhom, filwaqt li ħalliethom bla kontroll fuq il-fond tagħhom li jinsab fi Telgħet Birkirkara, San Ġiljan, okkupat mis-soċjetà Ta’ Giorni Wolves F.C.

Is-sidien spjegaw lill-Imħallef Joanne Vella Cuschieri li kienu sfurzati jġeddu l-kirja taħt kundizzjonijiet li nsterquhom mid-dritt li jieħdu deċiżjonijiet fundamentali dwar il-proprjetà tagħhom. Qalu li dan il-fond ilu mikri lill-klabbTa’ Giorni Wolves F.C. mis-sena 1970, u dan permezz ta’ kuntratt ta’ lokazzjoni datat 2 ta’ April, tal-1970 kif emendat bil-ftehim tal-10 ta’ Novembru, 1974, liema kuntratti saru meta kienet in
vigore l-liġi kif kienet qabel.

Is-sidien qalu li s-soċjetà Ta’ Giorni Wolves F.C. qed tuża’ l-fond bħala każin tal-football, u l-kera hija ta’ €279.52 (Lm 120.00) fis-sena. Tennew li din il-kera hija redikola tenut kont tal-valur tal-proprjeta’ in
kwistjoni u tal-valur lokatizju fis-suq.

Il-Qorti qablet li kien hemm ksur ċar tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, partikolarment tad-dritt għall-proprjetà, u għalhekk iddeċidiet li tikkumpensa lis-sidien billi tikkundanna lill-Avukat tal-Istat iħallashom danni għal żmien twil li fih kien qed iseħħ dan il-ksur.

Is-sentenza tgħid espliċitament li l-kumpens għandu jkopri l-perjodu kollu ta’ ksur u għalhekk ġie fissat fl-ammont ta’ €195,302.74, meqjus bħala proporzjonat għall-ħsara li ġarrbu. Dan il-kumpens huwa maħsub biex jirrestawra, sa fejn hu possibbli, il-konsegwenzi tal-ksur u jagħti rimedju effettiv li jirrifletti l-importanza tad-drittijiet li ġġarrfu.

Madankollu, filwaqt li laqgħet din it-talba, il-Qorti ċaħdet dik il-parti tar-rikors li kienet titlob li jiġi ddikjarat li s-sidien mhumiex obbligati jġeddu l-kirja tal-proprjetà u li għandhom awtomatikament id-dritt li jerġgħu jieħdu l-pussess tagħha. Il-Qorti qalet li dan l-aspett għandu jiġi deċiż fil-qrati ċivili ordinarji, u mhux permezz ta’ rikors kostituzzjonali.

B’hekk, waqt li r-rikorrenti ngħataw kumpens sinifikanti ta’ €195,302.74 għall-ksur tad-drittijiet tagħhom, il-kwistjoni tal-pussess tal-proprjetà tibqa’ pendenti biex tiġi solvuta f’proceduri separati. Is-sidien sostnew li dan il-mekkaniżmu legali kien wassalhom biex jiġu mċaħħda mid-drittijiet tagħhom għall-proprjetà u miż-żgħożija tagħhom li jagħmlu użu minnha jew li jiddeċiedu dwar id-destin tagħha.

Qalu li l-fatt li ma setgħux lanqas jiddeċiedu jekk il-kirja għandhiex titkompla jew le kien jikkawża ksur gravi tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, minħabba li kienu sfurzati jġorru piż sproporzjonat u mhux ġust.

Wara analiżi estensiva tal-fatti u ċ-ċirkostanzi, il-Qorti laqgħet limitatament it-tielet talba tar-rikorrenti u kkonkludiet li kien hemm ksur ċar tad-drittijiet fundamentali tagħhom. B’konsegwenza ta’ dan, il-Qorti ordnat il-kumpens finanzjarju sinifikanti msemmi.

Madankollu, mhux it-talbiet kollha ġew milqugħa. Il-Qorti ċaħdet it-talba fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk is-sidien humiex obbligati jġeddu l-kirja tal-proprjetà lis-soċjetà Ta’ Giorni Wolves F.C. u jekk humiex intitolati jerġgħu jieħdu l-pussess tal-fond. Il-Qorti kkonkludiet li dan l-aspett tal-kawża għandu jiġi deċiż fil-fora ċivili ordinarji u mhux fil-qafas ta’ rikors kostituzzjonali.