Raġel li llum għandu 61 sena ġie meħlus minn każ ta’ traffikar ta’ u ngħata probation fuq pusses aggravat ta’ kokaina f’każ li seħħ iktar minn 10 snin ilu. Kollox seħħ fl-10 ta’ Jannar 2015, għall-ħabta tad-disgħa ta’ filgħaxija, meta l-pulizija tat-Taqsima Kontra d-Droga daħlu jagħmlu tfittxija fir-Rangers Nursery Football Club, fi Triq l-Infetti, Ħaż-Żebbuġ, wara informazzjoni li l-barman seta’ kien fil-pussess ta’ droga.
Kif daħlu fil-bar sabu lil Charmaine Scicluna wara l-bank tal-bar, filwaqt li raġel li kien bilqiegħda mal-klijenti quddiem il-bar qam u pprova joħroġ barra. Dan ir-raġel ġie mwaqqaf mill-pulizija u immedjatament ġie identifikat bħala Philip Sawyer, li dak iż-żmien kellu 51 sena.
Sawyer ġie nfurmat bil-mandat tat-tfittxija u ġie mill-ewwel ittieħed lejn il-kċina sabiex isir kontroll fuqu. Qabel ma beda t-tfittxija, Sawyer ħareġ borża żgħira mill-but tal-jeans tiegħu u hu stess għaddieha lill-pulizija.
Din il-borża kienet fiha 10 pakketti trasparenti b’sustanza bajda li aktar tard ġiet ikkonfermata bħala kokaina. Fl-istess ħin, saret tfittxija wkoll fuq Charmaine Scicluna, li l-pulizija sabulha borża żgħira oħra b’sustanza suspettata kokaina fil-handbag tagħha. Sawyer u Scicluna ġew arrestati u skortati lejn il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.
Il-piż totali tad-droga misjuba fil-pussess ta’ Sawyer kien ta’ 4.55 grammi kokaina b’purità ta’ madwar 18%, kif ikkonkluda l-espert forensiku Godwin Sammut. Żewġ mobiles ġew ukoll elevati minn fuq il-bar. L-għada, Sawyer ta’ stqarrija lill-ispettur Nikolai Sant, wara li kien ġie offrut il-possibbiltà ta’ parir legali qabel l-interrogazzjoni.
Għalkemm skont il-liġi ta’ dak iż-żmien ma kellux id-dritt għall-preżenza ta’ avukat waqt l-interrogazzjoni. Fl-istqarrija tiegħu, li ffirma bħala waħda volontarja, Sawyer kien ammetta li kien ilu sena u nofs jinnegozja ammonti żgħar ta’ kokaina, bl-intenzjoni li jbigħ parti minnha.
Iżda snin wara, meta xehed bil-ġurament fil-Qorti, Sawyer biddel il-verżjoni tiegħu. Qal li hu kien biss jikkonsma l-kokaina għall-użu personali u li x-xogħol tiegħu bħala barman kien jġiegħlu jibqa’ jaħdem sa tard u “jżomm ruħu mqajjem”.
Sostna li kien jixtri għaxart iqratas f’daqqa bl-irħis—10 pakketti ta’ nofs gramma kull wieħed—għall-konsum tiegħu matul il-ġimgħa, u li l-ħames grammi li kellu fuqu dakinhar kienu kollha għal użu personali. Qal ukoll li minn dak iż-żmien ’l hawn kien waqaf d-droga kompletament.
Il-Qorti kellha tikkunsidra l-valur tal-istqarrija li Sawyer ta fl-2015, meta kien għadu ma kellux id-dritt għall-assistenza legali waqt l-interrogazzjoni. Iżda, skont il-ġurisprudenza Ewropea u Maltija l-aktar riċenti, in-nuqqas ta’ avukat waqt l-interrogazzjoni ma jwassalx awtomatikament biex l-istqarrija tiġi skartata.
Pjuttost, il-Qorti trid tħares lejn il-proċess kollu u jekk il-ġustizzja ġenerali tas-smigħ kinitx garantita. Il-Qorti osservat li Sawyer kien adult ta’ età matura, li kien ingħata t-twissija tad-dritt tas-silenzju, li kien ikkonsulta ma’ avukat qabel, li ffirma l-istqarrija bħala volontarja, u li qatt ma jallega li ġie mġiegħel jagħtiha. Barra minn hekk, meta xehed fil-Qorti, ma spjegax għaliex biddel il-parti tal-istqarrija fejn kien qal li kien ibigħ d-droga.
Il-proċeduri damu fit-tul minħabba diversi talbiet tad-difiża biex il-każ jiġi ttrattat bħala każ ta’ Qorti tad-droga skont l-Artikolu 8 tal-Kap. 537, iżda dawn ġew miċħuda b’mod konsistenti mill-Qorti. Fl-istess waqt, Sawyer kien tqiegħed taħt ordni temporanja ta’ superviżjoni u, skont ir-rapporti tal-probation officer, kien qed jagħmel progress tajjeb u kien tilef id-dipendenza fuq drogi.
Meta l-provi kollha ntemmu, il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Elaine Rizzo, analizzat il-provi kollha u waslet għall-konklużjoni li l-prosekuzzjoni ma rnexxielhiex tipprova lil hinn minn kull dubju raġonevoli li Sawyer kien fil-fatt qiegħed jittraffika jew jagħti d-droga lil ħaddieħor. In-natura żgħira tal-ammont, il-koperazzjoni immedjata tiegħu, u l-kuntest personali li spjega kollha kellhom piż fil-valutazzjoni tal-Qorti.
Għaldaqstant, Sawyer ġie liberat mill-akkuża ta’ traffikar, iżda nstab ħati tal-pussess aggravat ta’ kokaina, peress li nstab fil-viċinanzi ta’ post fejn jiltaqgħu żgħażagħ—l-istess nursery tal-futbol. Minħabba l-progress tiegħu fl-ordni ta’ superviżjoni u n-nuqqas ta’ fatturi li jindikaw periklu reċidiv, il-Qorti dehret sodisfatta li ma kienx hemm bżonn piena ta’ ħabs.
Għalhekk, tagħtu piena taħt forma ta’ probation, b’kundizzjonijiet sabiex ikompli r-riabilitazzjoni tiegħu u ma jerġax jikser il-liġi. L-Uffiċjal tal-Probation assenjat għandu jirrapporta bil-miktub lill-Qorti kompetenti bil-progress tiegħu kull sitt xhur.
Il-Qorti ordnat lill ħati Philip Sawyer sabiex iħallas l-ispejjeż l-ammont ta’ €1,179.49 konnessi
mal-ħatra ta’ l-esperti il-proċeduri fi żmien sena mill-għoti tas-sentenza. Il-każ, li beda bil-qabda ta’ 10 pakketti ta’ kokaina fin-nursery ta’ Żebbuġ FC fl-2015, intemm fl-2025 b’sentenza li enfasizzat kemm l-obbligu tal-Qorti li tosserva l-liġi, kif ukoll l-importanza tal-bidla u r-riabilitazzjoni personali. Għal Sawyer dehru l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri.


