Id-dejn ta’ pajjiżna qed ikompli jiżdied xahar wara l-ieħor u jilħaq rekords ġodda.
L-aħħar ċifri dwar il-finanzi tal-gvern ippubblikati llum mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) għall-perjodu bejn Jannar u Ottubru 2025 juru li d-dejn issa laħaq il-livell ta’ €11,185 miljun. Din iċ-ċifra ta’ aktar minn 11-il biljun ewro f’dejn hija ekwivalenti għal kważi €28,000 f’dejn għal kull ċittadin Malti u Għawdxi.
Sostnew dan fi stqarrija ix-Shadow Minister għall-Finanzi, Adrian Delia u x-Shadow Minister għall-Ekonomija u l-Intrapriża Jerome Caruana Cilia fejn qalu kif l-istess ċifri tal-NSO juru li anke l-iżbilanċ fil-finanzi tal-gvern kompla jiżdied meta mqabbel mal-istess perjodu sena ilu, u fl-aħħar ta’ Ottubru kien fil-livell ta’ €374 miljuni. Dan ifisser żieda ta’ €471 miljun fid-defiċit minħabba li fl-istess xahar fl-2024 il-Fond Konsolidat tal-gvern kien irreġistra surplus ta’ €97 miljun.
Iż-żieda qawwija fl-iżbilanċ hija kaġun tal-fatt li n-nefqa tal-gvern żdiedet b’mod qawwi b’€728 miljun għal €6.7 biljun.
Proprju din il-ġimgħa stess il-Kummissjoni Ewropea – wara li għamlet evalwazzjoni inizjali tal-Budget 2026 li tressaq mill-Gvern – ċanfret lil Robert Abela u lil Clyde Caruana talli qed jiżgarraw bil-goff fil-miri finanzjarji tagħhom, l-aktar fl-infiq, u wissiethom li jekk mhux se jreġġgħu lura r-rotta fuq in-nefqa bla kontroll, ikollha tintervjeni biex pajjiżna jikkonforma ma’ dak li hu mistenni minnu mil-liġijiet fiskali tal-UE.
Il-Kummissjoni wissiet li l-budget li ressaq il-Gvern Laburista jaf ma jkunx konformi mar-rakkomandazzjonijiet biex Malta tkun tista’ toħroġ mill-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv li daħħalna fiha l-Gvern f’Lulju tas-sena l-oħra. Dan minkejja li f’April li għadda, il-Ministru tal-Finanzi kien ftaħar li Malta se toħroġ minn din il-proċedura kmieni.
Il-livell qawwi ta’ dejn li għandna f’pajjiżna llum ifisser li l-Gvern ta’ Robert Abela, f’sena waħda biss, irnexxielu joħloq €924 miljun f’dejn ġdid, ekwivalenti għal €2.5 miljun dejn kuljum. Ifisser ukoll li kemm ilu li sar Prim Ministru, Robert Abela ddejjen aktar mill-Prim Ministri kollha ta’ qablu, Laburisti u Nazzjonalisti, flimkien.
Kif ippreveda l-Gvern Laburista stess fil-budget li ressaq ix-xahar li għadda, pajjiżna mistenni jagħlaq is-sena b’dejn li jlaħħaq il-€11.6 biljun, waqt li dan id-dejn se jkompli jirranka fis-snin li ġejjin biex sal-2028, nilħqu rekord ġdid ta’ aktar minn €14-il biljun. Dan ikun ifisser li filwaqt li sa issa Robert Abela għamel id-doppju tad-dejn li għamlu ta’ qablu, sa tliet snin oħra, se jkun ittrippla d-dejn.
Maż-żieda fid-dejn rekord, jiżdied ukoll rekord ieħor, dak tal-imgħax li qed ikollna nħallsu mit-taxxi tagħna fuq id-dejn tal-gvern. Minn Jannar sa Ottubru, l-imgħax li ħallasna fuq id-dejn qabeż il-€243 miljun li huwa kważi miljun ewro kuljum. Fuq is-sena ta’ qabel l-imgħax fuq id-dejn żdied bi kważi €28 miljun.
Il-Gvern qed ikompli jżid id-dejn u l-iżbilanċ minkejja li llum kulħadd qed jirrikonoxxi li xorta mhu qed isir xejn biex jiġu indirizzati l-akbar problemi tal-pajjiż, fosthom l-għoli tal-ħajja li kompliet tiżdied, problemi fil-qasam tal-infrastruttura, konġestjoni tat-traffiku ma taqta’ xejn, tniġġis fl-ibħra tagħna u kjuwijiet dejjem jitwalu fl-isptarijiet.
U waqt li l-iżbilanċ fil-finanzi tal-gvern u d-dejn ta’ pajiżna jkomplu jiżdiedu bla kontroll, u l-imgħax fuq id-dejn ikompli tiela’, il-Ministri u sħabhom viċin il-Gvern ikomplu jitħanżru, l-infiq bl-addoċċ ikompli għaddej, waqt li jkompli ħerġin dejjem aktar skandli li huma xhieda ta’ Gvern li għeja, u li tilef kull kontroll fuq ir-riedni tal-pajjiż.
//= $special ?>

