Sitt xhur wara li kien iffirmat il-ftehim kollettiv il-ġdid tal-MCAST, l-edukaturi għadhom qed jistennew biex jieħdu dak li hu tagħhom bi dritt.
Minkejja li l-Gvern kien wiegħed li sal-aħħar ta’ Ottubru jkun ħallas il-ħlasijiet kollha dovuti li jkopru l-aħħar tliet snin, illum, xhur wara, għad hemm pagamenti li ma waslux.
Din mhix biss kwistjoni ta’ tmexxija ħażina, iżda prova oħra ta’ nuqqas ta’ rispett lejn komunità edukattiva li tagħti servizz fundamentali lill-pajjiż. L-edukaturi fl-MCAST ma jistħoqqilhomx jiġu mminati b’dan il-mod; jistħoqqilhom serjetà, ċertezza u ħlas fil-ħin. Dak kollu li qed jiġri llum hu frott id-dewmien twil u bla bżonn biex il-ftehim kollettiv ġie ffirmat, dewmien li minnu nnifsu ħoloq pressjoni u inċertezza fuq mijiet ta’ professjonisti.
Il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Gvern jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu, jagħti spjegazzjoni ċara għal dan id-dewmien kollu u, aktar importanti minn kollox, iħallas mingħajr aktar dewmien dak kollu li hu dovut. Il-Gvern għandu jerġa’ jibni r-rispett li għandu jkun qed juri lejn l-edukaturi u l-istudenti, għax f’pajjiż li verament irid jimxi ’l quddiem, l-edukazzjoni ma tistax tibqa’ l-aħħar fuq il-lista tal-prijoritajiet.
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jkun ta’ spalla għall-komunità edukattiva u se jkompli jaħdem biex l-edukazzjoni f’pajjiżna tkun mibnija fuq rispett veru lejn l-istudenti u l-edukaturi.
Dan intqal fi stqarrija minn Justin Schembri ix-Shadow Minister għall-Edukazzjoni u Ivan Castillo ix-Shadow Minister għax-Xogħol, is-Settur Marittimu u l-Avjazzjoni.
//= $special ?>

