€140,000 għal Duplex Penthouse, spazju tal-ajru, u garaxx fil-kumpless ta’ Ħal Gelmus fir-Rabat, Għawdex għal Ministru Roderick Galdes.
Din kienet l-istorja żvelata mill-ġurnal Times of Malta tul il-jum tal-Ħadd – bil-Ministru Galdes jisħaq ma’ Net News li qed jingħadu ħafna ineżattezzi hekk kif skont hu huwa sempliċi flat ġebel u saqaf ta’ 84 metru kwadru.
It-Tnejn waranofsinhar Net News tkellem mal-Ministru Galdes fejn qabel xejn staqsejnih dwar l-allegazzjonijiet li għamlet fuqu l-eks MEP Laburista Marlene Mizzi fejn saħqet li fost diversi allegazzjonijiet oħrajn, li l-Ministru tal-Housing kellu relazzjoni mal-kuntrattur u kien jiffrekwentahom barra l-ħin tax-xogħol – bil-kelma li tintuża hija hobnobbing – ċioè jitħabbeb magħhom.
Bil-Ministru qabel xejn l-ewwel jisħaq li jrid iħares ‘il quddiem u sussegwentament jiċħad l-allegazzjoni ta’ ndħil li għamlet Mizzi, iżda jsibha verament diffiċli jiċħad li kien qed jitħabbeb mal-kuntratturi.
Mistoqsi fuq il-penthouse li akkwista għal €140,000 fir-Rabat, wara ftehim li sar fl-2021 – Galdes saħaq li wieħed irid jara l-kuntest – madanakollu ma ċaħadx la li huwa duplex, la li għandu garaxx inkluż u wisq inqas li kellu l-ispazju tal-ajru inkluż.
Intant Net News staqsa għal liema raġuni l-Gvern qiegħed jinsisti biex ma jippubblikax id-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-membri tal-Kabinett – b’Galdes jisħaq li hu m’għandu xejn x’jaħbi.

