Lokali

ĠENITURI INKWETATI: “Ma tistax tħalli it-tfal l-iskola moħħok mistrieh”

Tfal u ġenituri kienu taħt xokk kbir

Ħafna familji li tkellmu ma’ Net News esprimew ix-xokk tagħhom għal dak li seħħ dalgħodu f’Pembroke. Dan hekk kif fl-iskola stess kien hemm kommosjoni kbira fost il-ġenituri li marru biex jiġbru t-tfal tagħhom – għalkemm il-lezzjonijiet baqgħu għaddejin.

Iżda l-verità hi, li kulħadd kien f’xokk. U dan kien evidenti anke għall-crew ta’ Net News li jinsab fil-post.

Missier partikolari qalilna li dan mhux ambjent sikur għall-istudenti. “Ma tistax tħalli it-tfal l-iskola moħħok mistrieh”, stqarr magħna dan ir-raġel.

Sorsi li tkellmu magħna qalulna li l-każ li seħħ fl-iskola ta’ Pembroke kien jinvolvi ġlieda, li fiha daħlu xi 7 studenti – kollha subien. Bit-tifel tal-Form 4 jispiċċa jaqla’ daqqa f’ġenbu.

Dwar il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali.

Intant, fi stqarrija, l-MUT esprimiet appoġġ lejn l-għalliema u l-istudenti ta’ din l-iskola Sekondarja f’dan il-mument tant delikat.