Mhux ta’ b’xejn Robert Abela u l-Ministri tiegħu ma jridux jippubblikaw l-assi.
Waqt li rrefera għall-aħħar skandlu li jinvolvi lill-Ministru Roderick Galdes, f’messaġġ qasir fuq il-media soċjali tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg qal li jrid sistema ġusta, nadifa u trasparenti, biex ikollna pajjiż fejn il-koppji żgħażagħ ikunu jistgħu jsiru sidien ta’ darhom mhux għax għandhom aċċess għal xi “deal tajba” imma għax minn buthom ikunu jistgħu jaffordjaw li jixtru proprjetà.
Alex Borg qal li dan hu Gvern li għalih l-iskandli huma n-norma. Li għalih kollox jgħaddi u li jaf li ħadd u xejn ma jista’ għalih.
Hu qal li dak li għamel Roderick Galdes irid iwieġeb għalih hu filwaqt li issa f’idejn il-Prim Ministru biex jagħti rendikont lill-poplu ta’ dak li ġara u biex jieħu l-azzjoni meħtieġa fiċ-ċirkostanzi.
Fl-istess waqt li l-Ministru għall-Housing Affordabbli jgawdi minn “deals” speċjali, il-familji u ż-żgħażagħ tagħna qed jiffaċċjaw prezzijiet għoljin, bl-aħħar statistika turi li proprjetà medja f’pajjiżna tiswa €420,000.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li din hi l-viżjoni ta’ Gvern Nazzjonalista – li jkun hawn opportunitajiet biex iż-żgħażagħ u l-familji tagħna jkunu jistgħu jsiru s-sidien ta’ darhom.
Alex Borg qal li din hi l-Malta li rridu naraw flimkien.
//= $special ?>

