Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Edwina Grima ċaħdet appell imressaq mill-Avukat Ġenerali kontra s-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrat li kienet illibera lil Luca Lorenzo Callus Randich ta’ 31 sena mill-akkużi marbuta ma’ sewqan negliġenti, perikoluż, traskurat jew bla kont, li allegatament ikkawża ġrieħi gravi fuq ċerta Mahnaz Tala wara li kienet ittajjret minnu meta kienet qed taqsam it-triq.
Il-Qorti tal-Appell eżaminat mill-ġdid l-atti kollha, it-testimonjanzi u d-dokumenti prodotti, biex tivverifika jekk il-konklużjonijiet tal-Ewwel Qorti kinux raġonevoli u legalment sostenibbli. Il-provi juru li fl-29 ta’ Ottubru 2022, għall-ħabta tal-5:30 ta’ filgħodu, Tala kienet qed taqsam Triq Sant’Antnin f’Marsaskala wara li pparkjat il-karozza tagħha illegalment quddiem garaxx, u li waqt li kienet fin-nofs tat-triq waqfet biex twieġeb lil sid il-garaxx li kien għajtilha biex jistaqsieha jekk kinitx ser iddum.
Luca Callus Randich identifika ruħu li kien il-persuna li kien tajjar lill-vittma bil-vettura tiegħu ħdejn il-Convenience li hemm fl-istess triq. Surġent tal-Pulizija kien tkellem mal-akkużat fejn ma nxtammx li kellu xi riħa ta’ alkoħol kif ukoll il-lingwaġġ tiegħu kien tajjeb fejn stqarr li waqt li kien għaddej bil-vettura tiegħu minn Triq Sant’Antnin, Marsaskala, direzzjoni lejn Marsaskala, kif wasal viċin il-Convenience kien hemm persuna femminili fejn qasmet it-triq u laqatha.
F’dak il-mument, kien hemm dlam qawwi u l-bozoz tat-triq ma kinux mixgħulin, u għalhekk il-viżibilità kienet limitata. Il-vettura misjuqa minn Callus Randich laqtitha ftit sekondi wara. Il-Qorti osservat li l-prosekuzzjoni ma pprovdiet l-ebda prova teknika adegwata bħall-ebda skizz tal-inċident, ritratti jew analiżi xjentifika tal-post, u li l-unika prova viżiva kienet il-filmat tal-CCTV.
Dan il-filmat u x-xhieda ta’ Emanuel Scicluna, kif ukoll l-assenza ta’ riħa ta’ alkoħol u l-konsistenza tax-xhieda ta’ Callus Randich, ma juru ebda elementi li hu kien qed isuq b’mod perikoluż jew bla attenzjoni. Il-ħsarat fil-vettura kienu limitati għall-bumper tal-lemin, kompatibbli mal-impatt ma’ ‘pedestrian’ u mhux ma’ centre strip, u għalhekk il-verżjoni tal-vittma li qalet li kienet fuq is-centre strip ma kinitx kredibbli.
Fuq livell legali, il-Qorti analizzat fid-dettall il-kunċett ta’ negliġenza fil-liġi kriminali Maltija u l-prinċipju tal-prevedibbiltà tal-ħsara. Fakkret li biex persuna tinstab ħatja ta’ sewqan negliġenti trid tiġi ppruvata mhux biss nuqqas ta’ attenzjoni, iżda wkoll li l-event dannuż kien prevedibbli u li seta’ jiġi evitat bil-ħila u l-kawtela raġonevoli.
Il-Qorti enfasizzat ukoll li f’każijiet ta’ emerġenza jew meta ‘pedestrian’ jaġixxi b’mod mhux raġonevoli, ir-responsabbiltà tista’ taqa’ kollha fuqu, kif jirrikonoxxi wkoll il-Kodiċi għat-Traffiku fit-Triq. Wara l-analiżi, il-Qorti tal-Appell sabet li l-inċident seħħ minħabba l-aġir traskurat tal-parti offiża li qasmet triq arterjali fid-dlam, waqfet fin-nofs tat-triq biex titkellem u ma tatx każ tal-periklu evident, u li l-limitazzjonijiet tad-dawl ma tawx lil Callus Randich l-opportunità reali li jara u jevita lil Tala.
Ġie stabbilit li fil-ħinijiet tal-kamera 05:17hrs dehret vettura ta’ lewn abjad, tieqaf maġenb parkeġġ bil-‘hazard lights’ mixgħulin quddiem l-imsemmi ħanut, niżlet persuna mill-vettura, liema persuna dehret taqsam għall-parti opposta tat-triq, dehret tieqaf f’nofs it-triq.
Għal xi raġuni waqt li din il persuna kienet wieqfa, dehret iddur, fl-istess ħin deher raġel (fejn kien hemm il-vettura wieqfa), liema deher jitkellem possibbilment mal-persuna li kienet qed taqsam, u fl-istess ħin dehret vettura tolqot il-persuna li kienet qed taqsam. Ta’ min jispjega li l-persuna li ġiet imtajjra, fil-filmat jidhru riġlejha biss u mhux il-persuna kollha.
Għaldaqstant, il-prosekuzzjoni naqset milli tipprova lil hinn minn kull dubju raġonevoli li Callus Randich seta’ jipprevjeni l-inċident jew li kien qed isuq b’mod negliġenti. Il-Qorti għalhekk ċaħdet l-appell tal-Avukat Ġenerali u kkonfermat is-sentenza mill-Qorti tal-Maġistrat li kienet illiberat lill-appellat mill-akkużi kollha.


