Il-Qorti tal-Appell Kriminali, preseduta mill-Imħallef Edwina Grima, ikkonfermat sentenza sospiża u Ordni ta’ Trażżin impost kontra raġel ta’ 44 sena, residenti Ħal Tarxien, wara li nstab li kien attakka lil martu u kkaġunalha ġrieħi ħfief u werwer lilha u lit-tifel tagħhom. Il-Qorti ċaħdet l-appell tar-raġel li ma kienx qabel mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Maġistrati.
Il-provi juru li fl-10 t’April 2024, il-mara u binhom ta’ 10 snin, marru fis-sezzjoni tal-Vjolenza Domestika f’Santa Luċia biex jirrappurtaw serje ta’ abbużi li kienu ilhom iseħħu għal xhur. Hi spjegat li kienet ilha f’relazzjoni mar-raġel għal 11-il sena, li kienu fi proċess ta’ separazzjoni u li mir-rebbiegħa tal-2023 il-kliem offensiv u degradanti min-naħa tiegħu kien sar komuni, anke quddiem it-tifel.
Qalet li kienet tisma’ kliem ħażin fosthom “ qaħba, sfigurata, sirt prostituta, skeletru aħdar, inwaddablek il-gas għal wiċċek u t-taġen”. Dakinhar tal-inċident, għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħaxija, kien inqala’ argument fid-dar tagħhom f’Ħal Tarxien dwar il-kelb tal-familja.
Ir-raġel skont il-mara, beda jgħajjarha bi kliem ħażin lejha, ommha u l-familja tagħha. “Anke l-kelba qed iddejqek?”. Meta oġġezzjonat li ma kellux għalfejn jgħolli leħnu, skont hi rritalja u beda jwaddab oġġetti lejha, fosthom flixkun tad-deterġent u ġugarell tal-kelb.
Qalet li ftit wara qabadha minn wara rasha, żammha minn xagħarha, għafas idejh ma’ ħalqha u pprova jneħħilha n-nuċċali għax kien jaf li ma tarax sew mingħajru. Hija bdiet twerżaq u gidmitu biex tinħeles. Hu mbagħad tefagħha mal-art. Hi ħarbet barra biex tfittex l-għajnuna tal-ġara, iżda hu segwiha u reġa’ waqqagħha mal-art quddiem id-dar tal-istess ġara, li qaltlu jitlaq.
Il-mara qalet li hi rritornat lura biex tfittex lil binha iżda ma sabitux. Aktar tard irriżulta li t-tifel kien ħareġ jiġri mid-dar hekk kif sema’ l-kommossjoni. Il-pulizija li waslu fuq il-post innutaw li mara kellha ġrieħi viżibbli — demm fuq wiċċha u xufftejn maqsumin — u semgħuha tgħid li kienet tibża’ minn żewġha u mill-aggressjonijiet li kienu jsiru ripetutament.
Ir-raġel kien tressaq quddiem il-Qorti tal-Maġistrati akkużat li kkaġunalha offiża ħafifa, li heddidha, li għamel inġurji u li wettaq dawn l-atti b’riżoluzzjoni waħda, u għalhekk kienu jitqiesu bħala reat kontinwat. Fit-10 t’April 2025, il-Qorti sabitu ħati u kkundannatu għal tliet xhur priġunerija sospiżi għal sentejn u imponiet Ordni ta’ Trażżin ta’ tliet snin favur Pace skont l-Artikolu 382A tal-Kodiċi Kriminali.
Hu appella, u sostna li għandu jiġi meħlus minħabba “nuqqas ta’ provi” u li l-piena kienet severa żżejjed u kellha tinbidel, filwaqt li saħaq fuq il-fatt li għandu fedina penali nadifa. Madankollu, il-Qorti tal-Appell osservat li r-relazzjoni bejn il-partijiet kienet ilha sejra għall-agħar u li kien hemm episodji oħra ta’ vjolenza, inġurji u intimidazzjoni, anke dawk li kkawżaw biża’ serja lit-tifel minuri.
Il-Qorti qalet li dan ma kienx każ iżolat u li l-imġiba tal-appellant kienet tipika ta’ xejra ta’ kontroll u intimidazzjoni. Żiedet tgħid li kull darba li l-vittma tkun fil-preżenza tiegħu tħossha mhedda. L-Imħallef Edwina Grima kkonkludiet li ma hemm ebda raġuni biex il-Qorti tinbiegħed mill-piena imposta mill-Ewwel Qorti, u anqas biex tikkunsidra xi skont ulterjuri, anke għax hu diġà ngħata piena alternattiva u mhux ħabs effettiv. Għaldaqstant, l-appell tiegħu ġie miċħud u s-sentenza kollha ġiet ikkonfermata bl-effett immedjat.
//= $special ?>

