Lokali

L-Avukat tal-Istat ordnat iħallas iktar minn €50,000 f’danni lil sidien ta’ propjetà

Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Joanne Vella Cuschieri laqgħet it-talba ta’ sidien ta’ propjetà u ordnat li tillikwida kumpens u danni kif sofferti minnhom, fl-ammont kumplessiv ta’ €50,133.58. Din kienet id-deċiżjoni li ħadet il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni Kostituzzjonali tagħha fil-każ kumpless ta’ diversi sidien ta’ fond fil-Ħamrun kontra l-Avukat tal-Istat u l-inkwilina li għadha tħallas il-kera.

Fil-kawża ħareġ li Illi preżentement il-fond fi Triq in-Nazzarenu, il-Ħamrun jinsab okkupat b’titolu
ta’ kera, u li r-rikorrenti ilhom jirċievu l-kera mingħand Ingrid Galea minn meta huma wirtu l-isħma rispettivi tal-post versu l-kera ta’ €210 fis-sena, liema post qed jintuża bħala r-residenza bi
preġudizzju serju għas-sidien.

Qalu li l-prezz tal-kera hawn fuq imsemmi ma jirriflettix il-valur tal-fond fis-suq illum billi dan il-fond fis-suq ħieles jista’ jġib kera ferma aħjar. Is-sidien sostnew ukoll li d-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-kera u l-protezzjoni tal-inkwilini kisru d-drittijiet tagħhom u wasslu għal telf ta’ profitti u opportunitajiet kummerċjali.

Waqt il-proċedura, ġew analizzati dokumenti bħal testamenti, kuntratti u dikjarazzjonijiet notarili biex tiġi stabbilita l-proprjetà legali u l-impatt finanzjarju fuq ir-rikorrenti. L-Avukat tal-Istat, min-naħa tiegħu, oppona il-talbiet, u argumenta li l-liġijiet attwali dwar il-kera jipproteġu l-inkwilin u li ma kien hemm ebda ksur tad-drittijiet fundamentali. Is-sidien ingħataw kumpens li jirrifletti kemm id-danni effettivi kif ukoll l-interessi legali, filwaqt li l-Qorti enfasizzat il-bilanċ delikat bejn il-protezzjoni tal-inkwilini u d-drittijiet legali tas-sidien, filwaqt li kkonfermat l-istima kif magħmula mill-perit tekniku u r-rekwiżiti tal-liġi.

F’dan il-każ kostituzzjonali l-Qorti kienet qed tikkunsidra rikors ippreżentat minn Gladys Camilleri, Dorothy Nagel, Maria Oikonomopoulou u Aliki Logotheti, li kienu ko-roprjetarji ta’ post fi Triq in-Nazzarenu, il-Ħamrun, li ħadu b’wirt permezz ta’ diversi trasferimenti u testamenti mill-familja Bianchi u l-successjoni ta’ Elena Mavrides.

Il-fond kien okkupat b’titolu ta’ kera minn Ingrid Galea, li kienet daħlet fiha fis-sena 1990 u għadha qed tkompli tikriha sal-lum skont il-liġijiet Maltin dwar il-kera, inkluż Kapitolu 69 u l-Att X tal-2009. Is-sidien talbu lill-Qorti tiddikjara li d-dispożizzjonijiet li jipproteġu lill-inkwilina Galea kienu jikkawżaw ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom, billi l-kera attwali ma tirriflettix il-valur reali tal-fond u għaldaqstant il-Qorti kellha tordna żgumbrament u tikkundanna lill-Avukat tal-Istat għall-kumpens u danni sofferti.

L-Avukat tal-Istat u Galea, min-naħa tagħhom, opponew il-talbiet, sostnu li r-rikorrenti ma wettqu l-ebda azzjoni biex jirrilokaw il-kera u li l-liġijiet dwar il-kera u l-protezzjoni tal-inkwilini huma leġittimi, stabbiliti b’marġni wiesa’ ta’ apprezzament mill-Istat, speċjalment fil-kuntest ta’ akkomodazzjoni soċjali, u għalhekk ma kien hemm ebda ksur tad-drittijiet fundamentali.

Is-sidien ippreżentaw dokumenti varji, inkluż testamenti, kuntratti, denunzji u dikjarazzjonijiet notarili, biex juru s-suċċessjoni tagħhom u l-proprjetà tagħhom, filwaqt li l-Qorti nnominat ukoll perit tekniku, Mario Cassar, biex jivvaluta l-valur lokatizzju tal-fond mill-1987 sas-2023, li ġie stmat fuq €270,000 fis-suq liberu.

Fil-kunsiderazzjoni tas-sentenza, il-Qorti kellha tikkunsidra wkoll l-eċċezzjonijiet preliminari tal-Avukat tal-Istat, li insista li l-Prim’Awla ma għandhiex il-ġurisdizzjoni biex tordna żgumbrament u li r-rikorrenti ma wrew l-ebda eżerċizzju ta’ rimedju leġittimu skont il-liġijiet attwali.

Fi kliem ieħor, il-każ kien jikkonċerna l-bilanċ bejn id-drittijiet tas-sidien u d-drittijiet tal-inkwilin f’fond li ilu jinkera għal dekadi, fil-kuntest ta’ liġijiet li jipproteġu l-akkomodazzjoni soċjali u b’mod speċjali fil-qasam tal-kera regolata mill-Istat.

Il-Qorti iżda laqgħet it-talbiet tas-sidien u ordnat lill-Avukat tal-Istat iħallas l-istess kumpens imsemmi u danni likwidati ai termini tal-Liġi, bl imgħax legali mid-data tal-preżenti deċiżjoni sad-data tal-effettiv
pagament u dan bl-ispejjeż interament a karigu tal-Avukat tal-Istat inkluż l ispejjeż tal-inkwilina.

In vista li din il-Qorti sabet leżjoni tad-drittijiet fundamentali tas-sidien tal-fond u ordnat notifika tad-deċizjoni odjerna lill-Onorevoli Speaker tal-Parlament Malti.