Lokali

L-Inizjattiva ta’ Esportazzjoni Letterarja miftuħa għall-pubblikaturi Maltin

L-Inizjattiva ta’ Esportazzjoni Letterarja miftuħa għall-pubblikaturi Maltin li għandhom id-drittijiet tax-xogħlijiet li beħsiebhom iressqu biex ikunu inklużi fil-katalgu Malti ta’ drittijiet barranin għall-2026.

Jekk għad m’hemmx ftehim jew kuntratti li jiddelineaw ċar min hu d-detentur tad-drittijiet, tajjeb li l-applikanti jħabirku sabiex dawn isiru mal-awturi tal-kotba qabel ma japplikaw għall-inizjattiva, jew tal-inqas sa qabel id-dati tal-London Book Fair 2025. Biex ikun eliġibbli, l-applikant irid ikun lest li jipparteċipa bi ħġaru fl-isfera tal-esportazzjoni tal-letteratura Maltija. Kull pubblikatur jista’ jissottometti sa 5 kotba biex jiddaħħlu fil-katalgu.

L-awturi mħeġġa jikkuntattjaw lill-pubblikatur tagħhom jekk jixtiequ li xogħolhom jidher f’dal-katalgu. Kittieba awtoppubblikati mhumiex eliġibbli għal din l-inizjattiva.

L-applikazzjoni għall-Inizjattiva ta’ Esportazzjoni Letterarja għall-Pubblikaturi u l-Awturi minn Malta tagħaq fil-5 ta’ Jannar 2026.

Il-pubblikaturi li se japplikaw għal din l-inizjattiva mitluba jassiguraw id-drittijiet għat-traduzzjoni mill-awtur (bil-kitba). Se jkun hemm bord maħtur apposta li se jaħdem fil-qrib mal-KNK biex ikun iffinalizzat il-katalgu.

Linji gwida u s-sottomissjoni tal-applikazzjoni

Is-suċċess tat-tielet edizzjoni tal-katalgu tad-drittijiet barranin tal-KNK iserraħ mhux biss mil-lista kkurata ta’ kotba li l-pubblikaturi qed iressqu bil-ħsieb li jesponu l-letteratura Maltija fis-suq tal-pubblikazzjoni internazzjonali, iżda jiddependi wkoll fuq kif kull pubblikazzjoni qed tiġi ppiċċjata u ppreżentata effettivament lix-xerrejja tad-drittijiet prospettivi.

L-aġent letterarju Simon Trewin, li għandu ’l fuq minn 30 sena t’esperjenza fin-negozju tad-drittijiet internazzjonali, għandu xi pariri utli dwar kif għandek tikteb Karta tal-Informazzjoni Avvanzata, li l-KNK bi pjaċir qed jaqsam mal-pubblikaturi u l-awturi Maltin.

L-applikanti jistgħu jirċievu għajnuna mill-KNK qabel ma jissottomettu l-kotba tagħhom biex jiddaħħlu fil-katalgu. Fost l-oħrajn, l-għajnuna tista’ tingħata dwar kuntratti ta’ pubblikazzjoni, ftehimiet fuq drittijiet barranin, l-irwol tal-aġenti letterarji u l-ippiċċjar. Suġġerimenti individwali se jkunu bbażati fuq il-lista tal-pubblikaturi sottomessa u x-xogħlijiet tal-awturi msemmija fil-formola tal-applikazzjoni.