Il-qawwiet tar-Russja komplew jattakkaw lill-Ukrajna sa sigħat biss qabel il-laqgħa tat-Tlieta, f’Moska, bejn il-President Russu Vladimir Putin u r-Rappreżentant Speċjali tal-Istati Uniti, Steve Witkoff …Laqgħa intiża biex tikkonkludi l-gwerra fl-Ukrajna li ilha għaddejja minn Frar tal-2022.
Din se tkun oħra f’sensiela ta’ żjarat ta’ Witkoff f’Moska din is-sena, bir-Rappreżentant Amerikan għadu ma marx darba fi Kiev għal taħditiet mal-Gvern Ukren.
In-negozjati għall-paċi issa għaddejjin minn fażi ġdida, b’delegazzjoni tal-Ukrajna, fi tmiem il-ġimgħa, tiltaqa’, fl-Istat ta’ Florida, ma’ Witkoff, is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Macro Rubio u uffiċjali oħrajn.
Il-President Ukren, Volodymyr Zelensky, fl-aħħar sigħat, qal li t-taħditiet fi Florida kienu ferm kostruttivi, għalkemm xorta fadal l-issues diffiċli li jeħtieġu soluzzjoni. Min-naħa tiegħu, Marco Rubio qabel ma’ Zelensky fis-sens li ‘għad fadal ħafna xogħol xi jsir minn aspett diplomatiku.’
Intant, Zelensky, illum, wasal f’Pariġi għal taħditiet mal-President Franċiż, Emmauel Macron u fejn huma qed jiddiskutu t-termini għal waqfien mill-ġlied potenzjali fl-artijiet Ukreni.
Madankollu, il-gwerra kompliet bl-istess intensità u meta missila ballistika tar-Russi laqtet zona residenzjali fil-belt Ukrena ta’ Dnipro bir-riżultat li mietu erba’, b’talanqas 50 jisfaw midruba. Fl-attakk intlaqtu wkoll il-bini tal-uffiċini, flimkien ma’ diversi stabbilimenti kummerċjali u kwantità ta’ vetturi.
Dan meta baqgħu kontinwi l-attakki fuq Dnipro li tinsab madwar 100 kilometru biss ‘il bogħod mill-front tal-gwerra attiva.
//= $special ?>

