Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, preseduta mill-Imħallef Ian Spiteri Bailey, ċaħdet rikors imressaq minn Vishu Balani, li kien qed jikkontesta talba tal-Awtorità tal-Artijiet biex iħallas aktar minn għoxrin elf ewro f’arretrati ta’ kera dovuti fuq negozju fil-bieb ta’ Belt Valletta.
Il-kawża, kienet marbuta ma’ ittra uffiċjali maħruġa fl-18 ta’ Jannar 2024, fejn Balani kien ġie interpellat biex iħallas is-somma ta’ €20,026.81 bħala kera dovuta fuq ħanut fil-Belt għall-perjodu bejn Settembru 2020 u Frar 2024.
Balani sostna li t-talba kienet infondata, iżda l-Qorti nnutat li hu la ressaq prova u lanqas ma kkontesta dokument wieħed mit-talba tal-Gvern. Min-naħa tagħha, l-Awtorità tal-Artijiet ppreżentat il-kuntratt tal-kera, l-istorja tal-ħlasijiet, korrispondenza ta’ twissija u affidavit dettaljat tal-uffiċjal tagħha Karl Borg, fejn ġiet spjegata l-akkumulazzjoni tad-dejn. L-ebda wieħed minn dawn ma ġie miċħud jew imqar imqajjem għal dubju minn negozjant.
Ir-rikors kompla sfaxxa fil-proċeduri, peress li d-difensur ta’ Balani naqas milli jidher għal seduti importanti, ma ressaqx provi u lanqas ippreżenta sottomissjonijiet finali. Il-Qorti osservat ukoll li Balani kien “ben konxju” mill-ammonti dovuti, mhux biss għaliex kien ilu jirċievi ittri uffiċjali dwar arretrati oħra fuq l-istess fond, iżda għaliex fuq numru minnhom l-Awtorità kienet diġà kisbet titolu eżekuttiv.
Barra minn hekk, il-kirja tal-fond inkwistjoni kienet ġiet itterminata minħabba ksur kontrattwali min-naħa tiegħu, iżda hu xorta baqa’ jokkupa l-lokal sal-lum. Il-Qorti qalet li r-rikors ma ġiex imressaq biex jiġġustifika pożizzjoni leġittima iżda biex “jinħela l-ħin tal-Qorti” u biex ir-rikorrent ikompli jippersisti fl-aġir tiegħu minkejja obbligi kuntrattwali ċari.
Il-Qorti għalhekk ċaħdet ir-rikors u ddikjarat li t-talba tal-Awtorità tal-Artijiet hi waħda “fondata u mistħoqqa” u ordnat li l-ammont kollu mitlub fl-ittra uffiċjali għandu jitħallas. Minbarra l-ispejjeż, l-Imħallef Spiteri Bailey applika wkoll l-Artikolu 10 tal-Iskeda A (Tariffa A) tal-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili, li jippermetti l-impożizzjoni ta’ spiża addizzjonali meta kawża tkun titqies bħala fierħa jew vessatorja.
F’dan il-każ, il-Qorti ordnat lil Balani jħallas €2,000 oħra bħala spejjeż addizzjonali lir-Reġistratur tal-Qrati, minbarra l-ispejjeż kollha tal-kawża kontra tiegħu.
//= $special ?>

