Lokali Qorti

Miċħuda talba ta’ eks impjegat tal-Air Malta li ried jerġa’ jikseb pass ta’ sigurtà

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, preseduta mill-Imħallef Henri Mizzi, ċaħdet il-kawża miftuħa minn Godfrey Ciangura – eks impjegat tal-Air Malta – li kien qed jikkontesta r-rifjut tal-awtoritajiet biex jerġa’ jingħatalu OMAS Pass, dokument meħtieġ biex jaċċessa zoni ristretti fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Ciangura kien fetaħ kawża kontra l-Ministeru tal-Intern u l-Kumitat tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni fejn sostna li r-rifjut kien abbużiv u kkawżalu danni. Iżda l-Qorti qalet li l-azzjoni tiegħu kienet tardiva, għax tressqet ferm aktar tard mil-limitu ta’ sitt xhur stabbilit mil-liġi għal sfidi ta’ deċiżjonijiet amministrattivi.

Is-saga bdiet fl-2008 meta l-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat sentenza ta’ 10 xhur ħabs kontra Ciangura għal pussess ta’ kokaina li ma kinitx għall-użu personali. Wara s-sentenza, il-Kumitat tas-Sigurtà tal-Avjazzjoni rrifjuta li joħroġlu pass ta’ sigurtà, li kien essenzjali għax-xogħol tiegħu mal-linja nazzjonali.

Il-Kumitat ikkonferma d-deċiżjoni tiegħu diversi drabi, u fl-28 ta’ Settembru 2010 iddikjara l-pożizzjoni bħala “finali”. Matul l-2010 u l-2011 Ciangura, permezz ta’ diversi avukati, bagħat numru ta’ ittri biex jitlob rekonsiderazzjoni tad-deċiżjoni.

L-Ombudsman daħal ukoll, iżda fl-aħħar nett l-Avukat Ġenerali rrisponda f’Jannar 2012 billi ċaħad kwalunkwe diskriminazzjoni u kkonferma li d-deċiżjoni oriġinali ġiet adottata għal raġunijiet validi tas-sigurtà. Il-Qorti osservat li din ir-risposta ma kinitx deċiżjoni ġdida u lanqas ma wriet li l-Kumitat reġa’ fetaħ il-każ. Għalhekk, iż-żmien ta’ sitt xhur beda jgħodd mill-aħħar deċiżjoni effettiva tal-2010.

L-Imħallef Mizzi rrefera wkoll għal ġurisprudenza preċedenti li tgħid li ċittadin ma jistax iżomm proċess amministrattiv “miftuħ” billi jibgħat ittri ta’ reconsideration, mingħajr ma l-awtorità terġa’ tidħol fil-mertu. B’hekk il-Qorti laqgħet l-eċċezzjoni tad-dekadenza mressqa mill-Istat u ċaħdet il-kawża ta’ Ciangura mingħajr ma tidħol fil-mertu. Hu ġie kkundannat iħallas l-ispejjeż tal-kawża.