Il-Qorti tal-Appell Kriminali laqgħet it-talba tal-Avukat Ġenerali sabiex l-istqarrija li James Vella ta lill-Pulizija dwar il-qtil ta’ Alphonse Ferriggi tinstema’ fil-ġuri li għad irid isir tkun parti mill-provi. Ferriggi, messaġġier tal-Bank of Valletta, kien inqatel fit-18 ta’ Settembru 2000 quddiem il-fergħa tal-BOV f’San Ġwann, każ li għal snin twal baqa’ mhux solvut totalment sal-arresti ta’ Vella u ta’ Christopher Scerri fl-2022.
Iż-żewġ akkużati kienu taw diversi stqarrijiet lill-investigaturi dwar l-allegat involviment tagħhom, iżda matul is-smigħ tal-provi qabel il-ġuri sostnew li dawn l-istqarrijiet inġabru mingħajr ma ngħataw id-dritt fundamentali tal-assistenza ta’ avukat qabel u waqt l-interrogazzjoni.
Fis-17 ta’ Ottubru 2024, il-Qorti Kriminali kienet laqgħet it-talba tad-difiża u ordnat li l-istqarrijiet ma jinstemgħux fil-ġuri. L-Avukat Ġenerali appella minn din id-deċiżjoni, u l-kawża nstemgħet quddiem il-Prim Imħallef Mark Chetcuti u l-Imħallfin Edwina Grima u Giovanni Grixti fil-Qorti tal-Appell Kriminali.
Peress li Scerri miet waqt il-proċess, l-appell tiegħu ma ġiex konkluż, iżda fir-rigward ta’ Vella, il-Qorti tal-Appell eżaminat b’mod partikulari l-kontenut tal-istqarrijiet u ċċarat li, għalkemm l-istqarrijiet mogħtija qabel l-2010 għandhom jitwarrbu minħabba n-nuqqas tad-dritt għall-assistenza legali f’dak iż-żmien, dawn ġew riprodotti b’mod identiku fl-istqarrija li Vella reġa’ ta lill-Pulizija f’Lulju 2014.
F’dik id-data kien effettivament ingħata d-dritt tal-assistenza legali, anke jekk f’forma aktar ristretta milli kif tippermetti l-liġi llum. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Appell iddeċidiet li l-istqarrija tal-2014 għandha tkun ammissibbli u għandha tinstema’ fil-ġuri.
Id-deċiżjoni tfisser li meta l-proċess kriminali kontra Vella jsir, il-ġurati se jkunu jistgħu jikkunsidraw l-verżjoni tiegħu kif ingħatat lill-investigaturi taħt kundizzjonijiet li l-Qorti qieset li jissodisfaw l-istandards minimi ta’ protezzjoni legali.
James Vella taż 45 sena qed jistenna li jgħaddi ġuri b’rabta mal-qtil ta’ Alphonse Ferriggi fit-18 ta’ Settembru tas-sena 2000. Il-vittma kellu 42 sena. Ferriggi, messaġġier mal-BOV, mar jiġbor xi dokumenti mill-fergħa ta’ San Ġwann meta ġie mwaqqaf minn erba’ rġiel li wieħed minnhom sparalu.
Peress li Scerri laħaq miet il-Qorti tal-Appell Kriminali ma komplietx tisma’ l-appell tiegħu waqt li fil-konfront ta’ Vella ddikjarat li għalkemm taqbel mal-Qorti Kriminali li għandhom jitwarrbu l-istqarrijiet rilaxxati qabel l-2010, innutat li dawn jinsabu riprodotti kelma kelma fl-istqarrija li Vella ta f’Lulju 2014 fejn kien mogħti l-jedd tal-assistenza legali, anke jekk ristrett f’dak iż-żmien.
Dwar dan il-qtil il-Pulizija ressqet liż-żewġ akkużati kif ukoll lil Richard Grech u Joseph Zammit. Fl-2009 Zammit kien ikkundannat 31 sena ħabs wara li nstab ħati ta’ kompliċità fil-qtil għalkemm fl-2011 kellu s-sentenza mnaqqsa b’sena u nofs. Grech kien ikkundannat għomru l-ħabs fl-2011 wara li nstab ħati tal-qtil.
Fit-18 ta’ Settembru tas-sena 2000, ftit wara 5pm., l-akkużati flimkien ma’ Richard Grech u persuna oħra marru bil-karozza jistennew lil din il-persuna tiddeposita l-basktijiet fil-fergha tal-Bank of Valletta ta’ San Gwann, u jisirqulu l-oġġetti li jkollu fuqu.
Għall-ħabta tal-5.30am, u ċioè qabel it-tlugħ tax-xemx, tfaċċa messaġġier tal-bank, Alphonse Ferriggi, sabiex jiddeposita xi basktijiet f’kaxxa li tinstab mal-faċċata ta’ dan il-bank. Kif niżel mill-vettura u fetaħ il-‘luggage booth’ u ħareg il-basktijiet, l-akkużati u l-persuni li kienu magħhom, li kienu kollha mgħammdin, ħargu mill-vettura tagħhom, ippuntaw senter lejn Ferriggi u, dolożament, bil-ħsieb li joqtluh jew iqegħdulhu ħajtu f’periklu ċar, tawh tir ġo rasu u qatluh biex b’hekk eliminaw kull xkiel li seta’ jkollhom fl-esekuzzjoni tas-serqa ppjanata.
Huma mbaghad ħadu u serqu tliet basktijiet, a dannu u kontra l-volontà tas-sidien tal-Bank of Valletta u ta’ persuni oħra. Irriżulta li dawn il-basktijiet kienu jikkontjenu biss materjal tal-posta. Huma qed jiġu akkużati li ppjanaw is-serqa, li ssekwestraw lill-vittma, li sparawlu b’arma u li ma kellhomx liċenzja fuq l-arma li ntużat.
//= $special ?>

