Lokali

“Ministru għall-“Housing Affordabbli” jixtri penthouse li l-familji maltin lanqas joħolmu” – Repubblika

Repubblika tesprimi għadab għal rapporti li Roderick Galdes, il-Ministru responsabbli mill-housing soċjali u affordabbli, xtara penthouse lussuża mingħand il-kumpanija tal-iżviluppatur Joseph Portelli għal €140,000: prezz li ma jaqbel xejn ma’ dak li jkollhom iħallsu familji Maltin li kellhom jitħajjru għal propjetà simili fis-suq tal-lum.

Fi żmien fejn il-koppji żgħażagħ qed isibu li mhux ilaħħqu mas-suq tal-housing, u meta l-familji Maltin qed jitgħaffġu taħt djun impossibbli, il-Ministru fdat li jipproteġihom jidher igawdi benefiċċji li ċittaddini komuni ma jistgħu qatt ikollhom aċċess għalihom.

Dan il-każ iqajjem tħassib serju ta’ kunflitt ta’ interess. Kumpaniji tal-istess żviluppatur jew marbutin miegħu nagħataw kuntratti mult-miljunarji mid-dipartimenti li jaqgħu taħt l-istess Ministru. Jekk inwarrbu mistoqsijiet dwar jekk it-tranżazzjoni kinitx konformi mal-liġi, xorta mhux aċċettabbli li Ministru jidħol f’kuntratt ta’ propjetà ma’ żviluppatur li jgawdi minn appalti pubbliċi li ħareġ il-ministeru tiegħu. Pożizzjoni pubblika m’għandhiex tintuża u m’għandhiex tidher qed tintuża għal xi vantaġġ personali.

Li jagħmel iċ-ċirkostanza agħar hu li l-gvern għadu qed jirrifjuta li jippubblika dikjarazzjonijiet tal-assi tal-ministri. Is-segretezza tkattar is-suspett. Il-Ministri m’għandhomx dritt għal trattament speċjali; iridu jagħtu kont lill-pubbliku.

Insejjħu għal:

1. Investigazzjoni immedjata u indipendenti dwar jekk kienx hemm trattament preferenzjali jew influwenza f’din it-tranżazzjoni ta’ propjetà.
2. Pubblikazzjoni urġenti u aġġornata tad-dikjarazzjonijiet tal-assi tal-Ministri kollha.
3. Regoli ċari u inforzabbli li ma jħallux lill-Ministri u uffiċjali anzjani jidħlu għal negozji personali ma’ individwi u kumpaniji b’kuntratti mogħtija minn dipartimenti li jaqgħu taħthom.

Il-kriżi fil-housing mhux xi ħaġa astratta. Hi piż ta’ kuljum għal eluf ta’ persuni li ma jifilħux iħallsu biex jixtru jew jikru dar diċenti. M’hemm xejn aktar ċiniku minn Ministru għall-“Housing Affordabbli” juża l-pożizzjoni privileġġjata tiegħu biex jakkwista propjetà li nies komuni jistgħu jaqtgħu jieshom li qatt ikollhom.

Malta jixirqilha mexxejja li jiddefendu lill-pubbliku, mhux ħbieb tal-ħbieb li jgawdu l-benefiċċji ta’ sistema li tħalli ‘l-oħrajn jaqgħu lura.