Edukazzjoni Lokali

NIŻVELAW: It-tifel li aggreddixa lill-istudent l-ieħor kien ġie sospiż – iżda xorta mar l-iskola

Diversi ġenituri żvelaw ma’ Net News li l-każ serjissimu li seħħ dalgħodu fl-iskola sekondarja ta’ Pembroke beda minn sempliċi mobile – u kien minħabba dan li l-allegat aggressur kien ġie sospiż. Iżda b’xi mod, dalgħodu reġa’ tfaċċa fl-iskola.

Dettalji ġodda li kiseb Net News dwar l-aggressjoni li seħħet f’Pembroke jindikaw kif l-argument eskala wara li dan it-tifel daħal għall-istudent l-ieħor. U kien f’dan il-mument li tah daqqa ta’ sikkina f’ġenbu.

Furtunatament, it-tifel li sofra l-feriti jinsab stabbli.

Il-Gvern stess qal li dawn l-istudenti huma barranin.

Ħafna ġenituri li tkellmu magħna qalulna li s-sigurtà fl-iskola kellha ssir qabel, mhux “malli saret il-froġa”.

“L-iskola kbira, u m’għandhomx biżżejjed għajnuna. Għalkemm l-għalliema tal-iskola qed jagħmlu l-massimu possibbli”, qal missier li tkellem magħna.