Opinjoni

OPINJONI: Avviż Legali li se jgħolli r-reġistrazzjoni tal-mediċini ġodda f’pajjiżna

Alex Borg
Il-Kap
Partit Nazzjonalista

Bħal-lum ġimgħa meta kien qiegħed jieħu sehem f’attività politika fl-Isla, Alex Borg, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, żvela kif il-Gvern ta’ Robert Abela – għal darba oħra minn wara dahar kulħadd – daħħal Avviż Legali li permezz tiegħu se jgħolli r-reġistrazzjoni tal-mediċini ġodda li jidħlu f’pajjiżna.
Barra minhekk b’dan l-Avviż Legali l-Gvern se jkun qiegħed iżid ukoll l-ispejjeż tal-Importaturi u tal-Ispiżjara.
Dan hu l-Gvern li l-poplu Malti u Għawdxi għandu quddiemu… Gvern Laburista li mingħajr konsultazzjoni u b’ħafna ħabi jdaħħal Avviż Legali – bla konsultazzjoni ta’ xejn – li permezz tiegħu se jwassal biex jogħlew il-prezzijiet tal-mediċini.
Dan hu l-istess Gvern Laburista li meta kienu ssemmew il-mediċini ġeneriċi kien għamel pataflun sħiħ. Issa dan hu l-istess Gvern li daħħal dan l-Avviż Legali li se jgħolli l-prezzijiet tal-mediċini.
Min-naħa tiegħu l-Partit Nazzjonalista jaħdem kompletament b’mod differenti u. fost l-oħrajn, jassigura li jkun hemm proċess mgħaġġel biex pazjenti li jkollhom bżonn operazzjonijiet b’urġenza, ikunu mgħejjuna jagħmlu l-operazzjonijiet li jkollhom bżonn fl-iqsar żmien possibbli.
U dan kollu għaliex il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern irid jiggarantixxi lill-pazjenti mhux biss l-aqwa u l-aħjar kura u fl-inqas żmien possibbli… imma wkoll irid jassiguralhom il-kwalità tal-ħajja.
Barra minhekk Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista jissussidja u jħallas lit-Tabib tal-Familja tal-għażla tal-pazjent biex dawn jibqgħu jaraw u jsegwu lill-pazjenti biex hekk l-istess pazjenti jkollhom is-serħan tal-moħħ dwar il-kura li jkunu qegħdin jieħdu. Irridu li l-pazjenti jkollhom l-aqwa monitoraġġ għar-rigward tas-saħħa tagħhom.
Dan hu l-Gvern Nazzjonalista li rrid; Gvern li jkun joffri l-aqwa kwalità u servizzi tas-saħħa lill-poplu Malti u Għawdxi.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 30 ta’ Novembru, 2025.