Opinjoni

OPINJONI: FATT ĊERT – Se jbati l-pazjent

Fil-jiem li għaddew sar magħruf li minn wara dahar kulħadd il-Gvern ta’ Robert Abela ħareġ avviż legali li permezz tiegħu l-prezzijiet tal-mediċini se jkomplu jogħlew

Stephen Spiteri
Shadow Minister
għas-Saħħa

Biż-żidiet fit-tariffi li daħħal il-Gvern fuq il-mediċini se jbati l-konsumatur minħabba li se jkun hemm żieda fil-prezzijiet.
Dan il-Gvern, permezz tal-Awtorità dwar il-Mediċini, qed iżid il-miżati u t-tariffi tal-mediċini importati f’pajjjiżna minn dawk il-kumpaniji li proprju jimportaw dawn il-mediċini. Jiġifieri dawn l-istess kumpaniji se jkollhom ibatu l-konsegwenzi ta’ din l-istess żieda imposta mill-Gvern.
Sussegwentement dan kollu se jirrifletti fuq il-prezzijiet tal-mediċini innovattivi; mediċini li jintużaw f’pajjiżna u għalhekk se jkun hemm żieda fil-prezzijiet tal-mediċini.

Nistaqsi: Min se jbati?
Mhu se jbati ħadd għajr il-konsumatur; għajr il-pazjent li jrid jixtri l-mediċini; il-pazjent li meta issa se jmur biex jixtri l-mediċini se jsib li dawn il-mediċini komplew jogħlew fil-prezz.
Fil-verità prezzijiet tal-mediċini li ilhom jogħlew b’mod konsistenti, iżda issa b’dawn it-tariffi u l-miżati ġodda li daħħal il-Gvern, il-prezzijiet tal-mediċini se jkomplu jogħlew fil-prezz.

U nżid nistaqsi
Il-pazjent u l-vulnerabbli kemm jifilħu jkomplu jħallsu prezzijiet għoljin għall-mediċini li fil-verità jkollhom bżonn? Għall-mediċini li t-tabib tagħhom jiktbilhom biex jixtru?
Ma ninsewx li fost dawk li jixtru l-mediċini hemm l-anzjani; l-anzjani li jkollhom bżonn il-kura għal saħħithom… dawn li jaqilgħuha bil-pensjoni u jippruvaw jwasslu sal-aħħar tax-xahar – sa pensjoni oħra – kemm jifilħu jħallsu prezzijiet ogħla għall-mediċini li jkollhom bżonn?
Fil-qasam tas-Saħħa – li jolqot lil kulħadd – il-Gvern għandu jagħmel l-investimenti li hemm bżonn u mhux li jdaħħal Avviżi Legali bħal dan li bih il-pazjent se jiġi ffaċċjat minn prezzijiet ogħla.

Fis-Saħħa l-Gvern m’għandux biex jiftaħar
Dejjem fhimt li kemm-il darba l-pajjiż ikollu ekonomija b’saħħitha – kif wara kollox jiftaħar il-Gvern – allura dan jirrifletti wkoll fil-qasam tas-Saħħa fejn allura wieħed jistenna wkoll li jkollna qasam tas-Saħħa tassew b’saħħtu. Imma sfortunatament dan mhux il-każ.
Nistenna mill-Gvern li flok joħroġ Avviż Legali bħal dan jinvesti fid-diversi fergħat tas-Saħħa, fosthom fil-qasam tas-Saħħa Fiżika u wkoll fil-qasam tas-Saħħa tal-Kura Mentali biex hekk inkunu qegħdin inħarsu bis-serjetà lill-individwi li jirrikorru għal dawn is-servizzi tant importanti.
Is-servizzi tas-Saħħa jiswew ħafna u ħafna flus. Issa f’pajjiżna jirriżulta li d-domanda għal dawn is-servizzi qed tkompli tiżdied. M’għandux ikun hemm ħala u l-Gvern għandu jinsisti li l-investimenti li jsiru għandhom ikunu biss fit-titjib tas-servizzi tal-kura. Jeħtieġ li l-Gvern ikollu viżjoni fit-tul biex pajjiżna jkun f’qagħda tajba biex jiffaċċja l-isfidi li jkollu quddiemu. Irrid il-Gvern jinvesti fit-teknoloġiji tas-saħħa li hemm bżonn ħalli jassigura li l-pajjiż ma jaqax lura.

Għandna bżonn aktar minn sptar wieħed
Il-Gvern mhux joħroġ Avviż Legali bħal dan, iżda għandu bżonn jibda jiffoka u jifhem li pajjiżna m’għadux pajjiż ta’ sptar wieħed biss. Għandna bżonn aktar minn sptar wieħed jekk kemm-il darba l-Gvern irid joffri tassew servizzi tas-saħħa lill-Maltin u lill-Għawdxin imma wkoll lill-barranin li jgħixu fostna għaliex hu imperattiv li kulħadd jifhem kif il-popolazzjoni f’pajjiżna splodiet fl-aħħar snin bl-influss ta’ tant u tant barranin li wkoll għandhom id-dritt għas-servizzi li jipprovdulhom il-kura għal saħħithom.
Il-Gvern mhux joħroġ Avviż Legali bħal dan għandu, imma għandu jifhem kif l-Isptar Mater Dei mhux ilaħħaq mad-domanda meta l-ammissjonijiet issa qabżu l-108,000 persuna!
Gvern Laburista, sfortunatament, m’għamel l-ebda investiment biex jagħmel tajjeb għal dawn iż-żidiet li qed jesperjenza pajjiżna. Imbagħad is-saga tal-bejgħ tal-Isptarijiet Pubbliċi lill-privat u issa d-deċiżjoni tal-Arbitraġġ Internazzjonali li se jkollha fuq pajjiżna effett fit-tul. Fis-Saħħa għandna kriżijiet serji ħafna għaliex kollox waqa’ lura grazzi għall-fatt li l-Gvern mhux biss biegħ l-isptarijiet, iżda naqas milli jagħmel l-investimenti meħtieġa biex issa qed naraw sitwazzjoni fejn l-Isptar Mater Dei qiegħed jesperjenza iffullar kbir; waiting lists esaġerati… u dan kollu qiegħed ipoġġi pressjonijiet u stress kbir fuq l-istess ħaddiema li jservu fih.

Ebda investiment mill-Gvern
L-infrastruttura fl-Isptar Mater Dei – b’mod partikulari fid-Dipartiment tal-Emerġenza – mhix tlaħħaq mad-domanda u dan għaliex il-Gvern fis-snin li għaddew naqas milli jagħmel l-investimenti meħtieġa fl-infrastruttura meħtieġa u mixtieqa biex il-pazjenti jkunu jistgħu jinqdew b’mod deċenti u mingħajr dewmien esaġerat.
Il-Gvern mhux joħroġ Avviż Legali bħal dan messu, imma messu jifhem l-importanza tal-Kura Primarja li finalment twassal biex tonqos il-pressjoni fuq l-Isptar Mater Dei.
Il-Gvern jeħtieġ jinvesti fir-riżorsi umani u fuq l-ispeċjalisti anki fiċ-ċentri tas-saħħa biex hekk jingħata nifs lill-Isptar Mater Dei. Fuq dawn il-linji għandu jiffoka l-Gvern u mhux fuq Avviż Legali li se jwassal għal żidiet fil-prezzijiet tal-mediċini… jeħtieġ li jkollna sħubija mat-tobba tal-familja biex flimkien naħdmu ħalli flok stennijiet ta’ sigħat fl-Isptar Mater Dei u fiċ-ċentri tas-saħħa jkollna Kura Primarja b’saħħitha.

Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 30 ta’ Novembru, 2025.