Lokali Qorti

Rifjutata t-talba ta’ Revolut biex tippreżenta difiża tardiva fi kawża miftuħa minn klijenta Maltija

Il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili rrifjutat talba ta’ Revolut Bank UAB biex tippreżenta difiża tardiva fi kawża miftuħa minn klijenta Maltija, wara li ddeċidiet li dewmien ta’ 28 jum fil-proċess intern tal-bank biex jgħaddi dokumenti legali ma jammontax għal “żball invinċibbli” iżda għal negliġenza ċara.

Il-kawża kienet infetħet minn Rosanne Tanti, li kienet bagħtet rikors ġuramentat lill-bank fil-bidu tal-2025. Skont il-proċedura Maltija, il-bank kellu 20 jum biex jippreżenta risposta ġuramentata. Revolut ammettiet li kienet ġiet notifikata b’mod regolari iżda falliet milli twieġeb fil-ħin, u qalu li dan seħħ minħabba problemi interni ta’ instradament tad-dokumenti.

Il-bank sostna li l-perjodu ta’ 20 jum kien “wisq qasir” għal entità kbira li topera fi 48 pajjiż u ddikjarat li kienet żvista “innoċenti”, mhux disprezz għall-Qorti. Spjegaw li d-dokumenti ġew mogħtija lil ‘facilities manager’ u waslu għand it-tim li jieħu ħsieb dan kollu tmien ijiem wara li d-deadline kien diġà skada.

Madankollu, Tanti oġġezzjonat, u fakkret li Revolut kienet diġà għamlet l-istess żball sena qabel f’kawża oħra f’Malta (Aġenzija Enevio Limited vs Revolut Limited). Hija qalet li kumpanija globali bħal Revolut ma setgħet qatt tippretendi li ma kinitx taf bil-urġenza tad-dokumenti ġudizzjarji, u li r-repetizzjoni turi negliġenza aktar milli żball skużabbli.

Il-kawża nstabet quddiem il-Imħallef Doreen Clarke, li applikat l-Artikolu 158(10) tal-Kapitlu 12 tal-Liġijiet ta’ Malta, li jgħid li eżoneru min-nuqqas ta’ osservanza ta’ skadenza jingħata biss jekk il-parti turi li kien hemm impediment ġenwin u kompletament barra minn kontrollha. Żball ma jitqiesx skużabbli jekk seta’ jiġi evitat b’mod normali.

Il-Qorti rrimarkat li l-bank ħa 28 jum biex id-dokument jasal għand id-dipartiment korrett – fatt inaċċettabbli għal istituzzjoni kbira u esperjenzata bħal Revolut. Il-bank, qalet il-Qorti, kien għandu s-sistema neċessarja biex jimmaniġġja notifiki ġudizzjarji b’mod effiċjenti, minkejja d-differenzi fil-perijodi ta’ risposta madwar l-Unjoni Ewropea.

Id-deċiżjoni enfasizzat ukoll li Regolament (EU) 2020/1784 jippermetti servizz dirett bil-posta ta’ dokumenti ġudizzjarji, mingħajr eċċezzjonijiet għal ġurisdizzjonijiet b’termini qosra ta’ risposta – u għalhekk ir-responsabbiltà taqa’ fuq ir-riċevitur biex jorganizza ruħu kif xieraq. Għaldaqstant, il-Qorti ċaħdet it-talba ta’ Revolut biex iħassar in-nuqqas procedurali u b’hekk kompliet il-kawża mingħajr id-difiża tal-bank.