Lokali Qorti

Sentenza sospiża wara li nqabad bil-kokaina u l-eroina

Raġel ta’ 40 sena residenti l-Furjana, magħruf sew mal-Pulizija, instab ħati tal-pussess tad-droga u ġie kkundannat 15-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin, flimkien ma’ multa ta’ €1,000 u ordni biex iħallas €1,894 fl-ispejjeż tal-Qorti.

Clive Agius kien tressaq il-Qorti mill-eks Spettur tal-Pulizija u llum Avukat – Frank Anthony Tabone li fl-24 ta’ Frar 2018, kif ukoll fix-xhur ta’ qabel, kellu fil-pussess tiegħu kokaina u eroina, kif ukoll li kiser sentenzi tal-Qorti.

L-investigazzjoni bdiet meta rċeviet il-Pulizija rapport li s-sid tal-vettura seta’ kien involut fit-traffikar tad-droga. Uffiċjali tal-Pulizija segwew il-karozza u waqqfu lill-akkużat f’Ħal Qormi, fejn kien qed isuq il-vettura.

Fil-mument tal-arrest, Agius ġie identifikat waqt li jarmi borża mal-art u qal li l-karozza kienet mislufa għax tiegħu kienet bil-ħsara, u li d-droga kienet għall-użu personali tiegħu. Ktieb tan-noti li nstabu fiha kien fih ismijiet u numri ta’ nies li kellu dejn magħhom.

Fil-Qorti, quddiem il-Maġistrat Elaine Rizzo, diversi pulizija u esperti forensiċi xhedu li nstabu tmien grammi kokaina u 0.3 grammi eroina, flimkien ma’ ammonti żgħar oħra. Il-Qorti qalet li l-ammont ma jidhirx kbir iżda instab barra r-residenza tiegħu u ma kienx f’qartas wieħed.

L-evidenza wriet ukoll li kellu armi bil-ponta, li jindika li seta’ kien qed jipprepara biex jaqsam id-droga jew biex jipproteġi ruħu minn xi forma ta’ aggressjoni.Il-Maġistrat irrimarkat li Agius temm b’suċċess riabilitazzjoni mill-vizzju tad-droga, u f’dan il-kuntest, ħa deċiżjoni ta’ piena sospiża flimkien ma’ multa u ordni biex iħallas spejjeż tal-Qorti. Huwa ma nstabx ħati li kiser sentenzi tal-Qorti.