Internazzjonali

Spanja: Skandlu fis-settur tas-saħħa li jfisser inkwiet kbir għall-Gvern Soċjalisti ta’ Sanchez

9 news

Il-Gvern tal-Prim Ministru Soċjalista Pedro Sanchez qed jiddefendi ruħu b’mod mill-aktar iddisprat għall-akkużi li, ftit tas-snin ilu, għalaq għajnejh għal skema ta’ korruzzjoni li tat priorità lill-akkwist ta’ flus waqt l-eqqel tal-emerġenza tas-saħħa matul il-pandemija tal-Covid-19.

U l-pressjoni fuq Sanchez u l-kollegi tal-Partit Soċjalista Spanjol (PSOE) laħqet livelli kważi insapportabbli wara li l-eks-Ministru (Soċjalista) José Luis Ábalos u l-eks konsulent u person of trust Koldo García iżammu taħt arrest bħala parti mill-investigazzjoni ġudizzjarja dwar dan l-iskandlu notevoli.

Dan ukoll meta folol kbar – meqjusa madwar it-80,000 – fi tmiem il-ġimgħa ħadu sehem f’dimostrazzjoni ta’ rabja kontra l-Gvern ta’ Sanchez…Dimostrazzjoni li kien sejjaħha l-Partit Popolari (PP) fl-Oppożizzjoni, bl-investigazzjoni qed tikkonċentra fuq allegata skema korrotta għax-xiri tal-maskri tal-wiċċ fost l-agħar tal-pandemija.

L-Oppożizzjoni Spanjola, issa, qed tinsisti bis-slogan intitolat ‘Mafja jew demokrazija effettiva?’ hi u tixli lill-Gvern ta’ Sanchez b’li permetta stat ta’ deterjorazzjoni bla preċedent fl-Istituzzjonijet tal-Istat.

Il-Kap tal-Partit Popolari, Alberto Núñez Feijóo, sadanittant, qed jgħid li s-sitwazzjoni ta’ Ábalos mhix każ uniku, fost kumment li ‘it-Tmexxija Soċjalista f’Madrid tikkaratterizza l-korruzzjoni fuq livelli politiċi, ekonomiċi,istituzzjonali, soċjali u daqstant ieħor morali’.

Dan ukoll meta żdiedu s-sejħiet tal-Oppożizzjoni biex Pedro Sanchez jirriżenja minn Prim Ministru u jagħti rendikont ċar tan-nuqqasijiet tiegħu.

José Luis Ábalos hu l-ewwel deputat parlamentari  li spiċċa miżmum taħt arrest fi Spanja waqt li qed jokkupa kariga tal-Gvern effettiva. Is-sitwazzjoni qed tħalli impatt politiku qawwi, bit-tmexxija tal-PSOE tispiċċa tkeċċi lil Abalos mill-partit wara li saret taf bil-verdett tal-Qorti fil-konfront tiegħu. Madankollu, Ábalos jibqa’ xorta waħda deputat parlamentari elett, għalkemm mingħajr affiljazzjoni ma’ xi partit partikulari.

L-investigazzjoni, intant qed tikkonċentra fuq l-allegat involviment ta’ dan l-eks Ministru Soċjalista u l-person of trust tiegħu f’network ta’ commissions irregolari relatati mal-kuntratti għall-proviżjoni ta’ materjal għall-ħarsien tas-saħħa waqt l-agħar xhur tal-Covid-19.

Dan meta parti kbira tal-investigazzjoni dwar l-hekk-imsejjaħ  ‘Każ Koldo’, għalissa, qed issir mingħajr l-ebda pubbliċità…Sitwazzjoni fejn il-maġistrat inkwerenti qed isib dejjem aktar indikazzjonijet ta’ tixħim u xiri ta’ influwenza li jimplikaw direttament lill-Gvern ta’ Sanchez.