Madwar id-dinja, ħafna familji qed jitħabtu huma mhedda – xi wħud tilfu djarhom u l-għajxien tagħhom, oħrajn tilfu l-maħbubin tagħhom minħabba gwerer jew vjolenza terroristika, filwaqt li eluf oħra sempliċement qed jippruvaw jgħixu. F’nofs dan id-dlam kollu, wieħed jista’ jkun id-dawl li xi ħadd qed jistenna.
L-Uffiċċju Malti tal-Aid to the Church in Need (ACN) għadu kemm nieda l-kampanja tiegħu tal-2025 Gifts of Faith biex jixgħel dawl ta’ tama fl-Ukrajna, Gaża, is-Sirja u f’xi wħud mill-aktar postijiet mudlama tad-dinja fejn dan id-dawl huwa l-aktar meħtieġ.
Id-Direttur ta’ ACN (Malta), Stephen Axisa, qal: “Permezz tal-kampanja tagħna tal-istaġun tal-Milied tal-2025, tista’ tgħin tifel jew tifla jerġgħu lura l-iskola, toffri ġakketta li tirfed mill-kesħa jew tnissel faraġ f’familja fi trawma. Kull rigal li toffri jsir parti minn xi ħaġa akbar – xhieda ħajja tat-tama.”
B’€90 wieħed jista’ jgħin tifel jew tifla fil-Libanu biex ikomplu l-edukazzjoni tagħhom. Wara t-tbissim sabiħ tal-istudenti ċkejknin Lebaniżi hemm tbatija immensa. Huma għadhom jaraw bombi neżlin qrib ta’ djarhom. B’familji li ma jistgħux iħallsu l-miżati tal-iskola u b’għalliema li ilhom ix-xhur ma jitħallsu, kważi 9,000 tifel u tifla Kristjani qed jiffaċċjaw ir-riskju li jispiċċaw mingħajr l-edukazzjoni bażika tagħhom fix-xhur li ġejjin. “Mingħajr l-għajnuna tagħkom, l-iskejjel tagħna se jkollhom jagħlqu l-bibien tagħhom. Nixtieq nagħmel appell lilkom biex tappoġġjaw l-iskejjel tal-Knisja fil-Libanu,” qalet Sister Dalida Hoyek, kap ta’ skola Kattolika fil-Libanu.
F’Gaża, minkejja waqfien mill-ġlied fraġli, familji Nsara għadhom qed isofru. Ħafna minnhom huma spostati u oħrajn tilfu kemm lill-qrabathom kif ukoll l-postijiet tax-xogħol tagħhom minħabba l-gwerra. Il-ftit Nsara li qed jissaportu din il-kriżi fl-Art Imqaddsa jinsabu f’ambjent ta’ nuqqas ta’ fiduċja totali fil-futur. Dan hu mument kritiku ħafna għalihom.
Permezz ta’ Aid to the Church in Need (ACN), wieħed jista’ jipprovdi għajnuna urġenti lill-familji Nsara f’Gaża, billi jwassal ikel, mediċini u kenn fejn il-bżonnijiet essenzjali huma l-aktar meħtieġa. Meta persuna tagħti donazzjoni ta’ €60 bħala Gift of Faith, id-donaturi jkunu qed jappoġġjaw il-komunità żgħira Nisranija f’Gaża li fadlilha biss madwar 450 persuna. B’dan il-mod, il-benefatturi jkunu qed iġeddu b’mod effettiv it-tama f’din il-komunità żgħira u mhedda.
Il-kleru Ukren, kif ukoll is-Sorijiet reliġjużi, baqgħu fil-parroċċi tagħhom matul l-agħar parti ta’ din il-gwerra ta’ tliet snin. Dan għamluh sabiex itaffu t-tbatija immensa li qed jesperjenzaw l-Ukreni. Din hi r-raġuni għala l-appoġġ kontinwu għal dan il-kleru kuraġġuż hu tant importanti bħalissa fl-Ukrajna. Donazzjonijiet ta’ €150 se jippermettu lill-kleru appoġġjat mill-ACN biex jidħol aktar fil-fond fil-komunitajiet rispettivi tagħhom. Dan jagħmluh bi trakkijiet li jfornu l-ikel u kappelli mobbli li joffru sostenn, kuraġġ u appoġġ emozzjonali.



