Lokali

Alex Borg iniedi l-inizjattiva tal-Crowdfunding, bl-ewwel donazzjonijiet se jmorru biex il-PN jiffinanzja l-ewwel podcast tiegħu

Kun parti minn din it-tama li qed nagħtu lill-poplu Malti u Għawdxi.

Dan qalu l-Kap tal-PN Alex Borg, meta illum nieda l-inizjattiva tal-Crowdfunding.

Din l-inizjattiva – bl-isem TAMA – tagħti l-opportunità biex kull min irid ikun parti mill-mixja tal-Partit Nazzjonalista biex flimkien nibnu pajjiż ġdid ikun jista’ jagħmel dan.

Permezz ta’ filmat fuq il-media soċjali tiegħu, Alex Borg sostna li l-bidla ma ssirx waħidha u ma ssirx minn persuna waħda, imma ssir minn grupp ta’ nies f’daqqa li jkunu jemmnu kollha fl-istess għan.

Alex Borg qal li rġajna żrajna t-tama fost il-Maltin u l-Għawdxin, u t-tama hi dik il-ħaġa li tispira u timmotiva lil grupp ta’ persuni biex jaħdmu għal għan wieħed, u l-Partit Nazzjonalista qed jagħmel propju dan. Meta nagħmlu l-affarijiet flimkien, il-bidla li ssir iħossha kulħadd.

Hu qal li flimkien nistgħu noffru tama ġdida għall-pajjiż – tama li tkun ġejja mhux mill-ftit imma mill-ħafna.

Alex Borg appella lil kull min irid jagħti din it-tama lil pajjiżna biex ikun parti minn dan il-proġett.

L-ewwel proġett li se jiffinanzja l-Crowdfunding se jkun il-podcast tal-Partit Nazzjonalista – l-ewwel podcast tal-PN u proġett li permezz tiegħu jitlaqqgħu l-istejjer tan-nies mal-ideat. Biex flimkien inbiddlu ġesti żgħar f’bidliet kbar.

Wieħed jista’ jgħin fil-finanzjament tal-ewwel podcast tal-PN u b’hekk isaħħaħ il-ħidma tal-Partit Nazzjonalista billi jidħol fuq pn.org.mt/tama.

Kull kontribut żgħir jgħodd.