Hekk kif bħalissa madwar id-dinja u f’Malta għaddejja l-kampanja annwali ta’ 16-il jum ta’ attiviżmu biex jitqajjem għarfien dwar il-vjolenza domestika kontra n-nisa u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg żar xelter li jagħti kenn lil nisa u tfal li huma vittmi ta’ abbuż.
Huwa żar Il-Milja, xelter immexxi mill-Fondazzjoni Sebħ – NGO fi ħdan l-Arċidjoċesi ta’ Malta – li jinkludi 12-il appartament attrezzat biex iservi ta’ dar għal dawn in-nisa wara li jkunu għaddew mill-ewwel fażi tal-mixja tagħhom wara li jkunu sofrew abbuż.
Il-Kap tal-PN ittieħed jara wkoll is-Secret Garden li kien inawgurat fil-post dan l-aħħar mill-Arċisqof fl-okkażjoni tal-25 anniversarju mill-ftuħ ta’ dan ix-xelter. Dan hu spazju miftuħ li jgħin fil-vjaġġ personali tar-residenti ta’ dan il-post b’terapija fin-natura.
Il-membri tat-tmexxija ta’ Il-Milja spjegaw kif dan il-post għandu l-għan li jwassal lil dawn in-nisa biex fi 18-il xahar jerġgħu jintegraw ruħhom fis-soċjetà b’mod aktar seren wara li jingħataw appoġġ professjonali.
Minbarra li kull mara – anke bit-tfal – li tfittex kenn f’dan ix-xelter, ikollha l-użu ta’ appartament privat, hija tingħata wkoll servizzi ta’ sostenn f’dan iż-żmien kruċjali għaliha u għal uliedha, biex tħejji ruħha għall-kumplament ta’ ħajjitha lil hinn minn dan il-post.
Xelters bħal dawn għadhom qed jiffaċċjaw ħafna sfidi, fosthom finanzjarji, u li kieku mhux għad-donazzjonijiet li jirċievu, kieku ma jkunux jistgħu jibqgħu jagħtu s-servizzi tant kruċjali.
Il-Kap tal-PN Alex Borg, li kien akkumpanjat minn Sarah, faħħar il-ħidma imprezzabbli ta’ dawk kollha li jaħdmu mal-Fondazzjoni Sebħ u organizzazzjonijiet volontarji oħra simili u tkellem dwar l-importanza ta’ aktar taħriġ speċjalizzat għal kull min jiġi f’kuntatt ma’ vittmi ta’ vjolenza domestika, mhux l-inqas il-Pulizija u l-membri tal-ġudikatura biex dawn jagħrfu kif jittrattaw bl-aqwa mod persuni f’sitwazzjonijiet mill-aktar sensittivi u ibsin.
Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll ix-Shadow Minister għall-Ugwaljanza, il-Libertajiet Ċivili u x-Xandir Pubbliku Graziella Attard Previ, ix-Shadow Minister għall-Isport u l-Volontarjat David Agius, il-President tal-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista (MNPN) Marie Claire Zammit u l-membru tal-MNPN u Teżorier tal-PN Veronica Perici Calascione.
//= $special ?>

