Lokali

Jaħarbu milli jwieġbu dwar il-famuża penthouse f’Għawdex

Il-Kabinett ta’ Robert Abela daħal f’rutina ta’ skandli, u fl-aħħar jiem feġġ skandlu ieħor – li għal darb’oħra jikkonċerna lill-Ministru Roderick Galdes.

Galdes huwa sid penthouse u garaxx fil-kumpless ta’ Ħal Gemus fir-Rabat Għawdex, u li għalihom ħallas €140,000. Iżda skont il-Ministru tal-Housing, din il-proprjetà hi sempliċi flat ġebel u saqaf ta’ 84 metru kwadru.

Net News tkellem mal-Ministri kollegi ta’ Galdes, fejn staqsejna dwar ir-relazzjoni ta’ Ministru ma’ kuntrattur u anke dwar il-prezz li ħallas Galdes għal din il-proprjetà. Dan meta hija relatà li bosta ma jistgħux jixtru post adekwat b’inqas minn €400,000 – kif konfermat mid-ditta KPMG f’rapport riċenti.

Bil-Ministri jaħarbu milli jwieġbu għal kollox u jistrieħu sempliċiment fuq post li tella’ Galdes fuq il-facebook tiegħu.

Net News staqsa wkoll lill-Ministri dwar l-allegazzjonijet tal-eks MEP Laburista Marlene Mizzi, fejn din kienet saħqet illi l-Ministru tal-Housing kellu relazzjoni mal-kuntratturi u kien jitħabbeb magħhom.

Din il-ġimgħa, il-Kap tal-PN Alex Borg insista li issa f’idejn il-Prim Ministru biex jagħti rendikont lill-poplu ta’ dak li ġara u biex jieħu l-azzjoni meħtieġa fiċ-ċirkostanzi.