Lokali Qorti

Jammetti li hedded lill-eks sieħba tiegħu

Raġel ta’ 25 sena minn San Ġwann ammetta li hedded u fastidja lill-eks sieħba tiegħu, kif ukoll li wera mġiba aggressiva fil-preżenza tat-tarbija tagħhom ta’ tmien xhur. Hu tressaq il-Qorti akkużat li kkawża biża’ ta’ vjolenza fuq il-mara u fuq il-minuri, kif ukoll talli abbuża minn tagħmir elettroniku biex jilħaqha.

Il-vittma qalet li kienet f’relazzjoni miegħu għal ħames snin, li minnha twieldet it-tarbija. Għalkemm kienu jgħixu flimkien, il-mara issa marret lura tgħix għand ommha wara li nqatgħu minn xulxin għal xi żmien. Hija rrappurtat li rċeviet numru ta’ telefonati anonimi li allegatament kienu ġejjin minnu u li pprova jikkomunika magħha permezz ta’ ommu u oħtu.

Il-kuntatt, skont il-vittma, ma kienx relatat mal-ħtiġijiet tat-tarbija iżda biex isir jaf magħha lil min kienet qed tiltaqa’. Hija sostniet ukoll li kien juża lit-tarbija bħala skuża biex jerġa’ jiftaħ il-komunikazzjoni.

Il-Qorti nnotat li ma hemm l-ebda ftehim jew dokumentazzjoni dwar manteniment bejn il-partijiet. Sar risk assessment li kklassifika s-sitwazzjoni bħala mhux ta’ riskju għoli. L-Ispettur Christian Cauchi spjega wkoll li filmat juri lill-akkużat iżomm lit-tarbija filwaqt li kien qed iġib ruħu b’mod aggressiv.

Ir-raġel wieġeb ħati għall-akkużi. Id-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest u l-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx minħabba l-ammissioni bikrin tiegħu. Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Abigail Critien, tatu l-ħelsien bil-kundizzjoni ta’ depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €2,000.

Imponiet fuqu wkoll ordni ta’ superviżjoni u ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma. Il-Maġistrat wissietu li jista’ jikkomunika mal-omm biss dwar affarijiet relatati mat-tarbija. Hu talab biex qatt ma jkollu jitkellem magħha, iżda l-Qorti ċċarat li ma jistax jaħrab mir-responsabbiltajiet ta’ missier. Hu talab li jkun jista’ jikkomunika magħha permezz ta’ avukat “biex jiġu evitati problemi oħra”.

Is-sentenza se tingħata fid-29 ta’ Jannar fid-9:30 a.m. L-Avukat Yanica Barbara Sant dehret għall-akkużat.