TOI TOI, il-Programm Nazzjonali tat-Tagħlim u Parteċipazzjoni fit-Teatru Manoel, qed jiċċelebra l-ħmistax-il staġun tiegħu b’enfasi fuq ir-rakkont tal-istejjer permezz tal-puppetry, il-mużika u l-moviment.
Nominat għall-Aħjar Programm Artistiku għal sitt staġuni, it-tim qed jipprepara għal wirja oħra li mistennija tkun ‘sold-out’. Magħrufa kemm għall-kwalità tax-xogħol aċċessibbli tagħhom kif ukoll għall-prezzijiet tal-biljetti adattati għall-familji, il-produzzjonijiet ta’ TOI TOI joffru lill-ġenituri l-opportunità li jgawdu t-teatru u l-ħolqien tal-mużika parteċipattiva flimkien ma’ wliedhom f’ambjent rilassat.
Din is-sena, TOI TOI se jlaqqgħu lill-udjenza ma’ tliet kandidati determinati waqt awdizzjoni li qatt ma jaċċettaw le bħala tweġiba. L-atturi għandhom ħiliet uniċi, kif wieħed jista’ jinduna mill-ismijiet tagħhom: Carol Żfin, Carol Drammatiku u Carol Kanzunetta, kollha fuq missjoni biex ikunu fiċ-ċentru tal-palk kull meta jkun possibbli. Din il-kummiedja tal-Milied hija miktuba u diretta mid-Direttur tat-TOI TOI Collective, Petra Sant, u fiha jieħdu sehem l-atturi bravi Kyra Lautier, Kelly Peplow u Emma Chetcuti.
Il-Manager ta’ TOI TOI, Kate Fenech Field, il-produttriċi responsabbli għall-produzzjoni edukattiva tat-teatru tispjega,“Bħalma jafu ħafna għalliema u ġenituri, barra milli jkollok pjaċir u kant flimkien, hemm ħafna benefiċċji pożittivi li tirċievi meta tesperjenza produzzjoni teatrali ħajja. Matul l-aħħar ħames snin, l-istrateġija tagħna kienet li nikkommissjonaw u nipproduċu xogħol li mbagħad nerġgħu nagħmluh kull sentejn.”
Fenech Field tkompli tgħid,“Għamilniha l-missjoni tagħna li nibnu repertorju edukattiv u dan aktar minn kull ħaġa oħra jidher fil-kummiedja popolari tagħna ‘Carols at Christmas’. It-tagħlim dwar id-determinazzjoni, it-tradizzjonijiet u x-xogħol fi grupp, imħallat mad-kanzunetti tal-Milied li tgħannqu flimkien, wera li hija kombinazzjoni rebbieħa.”
Carols at Christmas se tittella’ fl-Istudio Theatre tat-Teatru Manoel mis-Sibt 13 sas-Sibt 20 ta’ Diċembru. Wieħed jista’ jikseb il-biljetti billi jidħol fis-sit elettroniku www.teatrumanoel.mt jew mill-booking office tat-Teatru Manoel.
TOI TOI għandu l-appoġġ tal-Bank of Valletta.
//= $special ?>

