Student ta’ 14-il sena li jattendi l-iskola fil-Kulleġġ ta’ Santa Klara f’Pembroke li allegatament fera b’daqqiet ta’ sikkina lil student ieħor it-Tnejn filgħodu, f’inċident li ħalla lill-komunità skolastika u lill-ġenituri f’paniku, mistenni jitressaq quddiem il-Maġistrat Abigail Critien għall-ħabta tas-6pm jew ftit iktar tard illum it-Tlieta.
Allegatament huwa uża sikkina tal-baħar li tintuża mill-għaddasa meta attakka lill-kollega tiegħu fil-klassi. Il-vittma, li skont sorsi weġġa’ f’ġembu f’waħda mill-ħames daqqiet ta’ sikkina, ittieħed immedjatament Mater Dei fejn issa jinsab f’kundizzjoni stabbli.
Jidher li l-konfront beda wara li l-vittma kien irrappurtah għall-fatt li kien bil-mobajl fl-iskola. Matul l-inċident, studen Malti pprova jdaħħal rasu biex iwaqqaf l-attakk u spiċċa sofra xokk, u għalhekk ukoll ittieħed l-isptar għall-kura.
Iż-żewġ studenti Libjani ilhom jgħixu Malta minn meta kellhom tliet snin. L-aħbar ikkawżat paniku fost il-ġenituri li marru jiġru lejn l-iskola, b’ħafna jilmentaw li kienu qed isiru jafu x’ġara mill-midja u mhux mill-amministrazzjoni tal-iskola.
Aktar tard, it-tfal bdew jintalbu jinġabru u qabel ma jitilqu ġew eżaminati minn infermiera biex jiġi żgurat li kienu f’qagħda tajba. Il-Ministeru għall-Edukazzjoni kkonferma li l-ġlieda kienet bejn żewġ studenti barranin u li ntuża oġġett qawwi waqt l-argument. Il-ministeru għamel kuntatt mal-Aġenzija għall-Appoġġ lill-Vittmi biex jiġi żgurat li kemm l-istudenti kif ukoll l-edukaturi jingħataw l-appoġġ meħtieġ, filwaqt li l-iskola qiegħda tikkopera bis-sħiħ mal-investigazzjonijiet tal-pulizija.
//= $special ?>

