Lokali

L-iżviluppaturi li biegħu lil Roderick Galdes krew 104 proprjetajiet lill-Awtorità tad-Djar

Fl-istess sena li fiha Roderick Galdes għamel il-konvenju ma’ Joseph Portelli biex xtara l-penthouse li għandu fir-Rabat Għawdex, il-Housing Authority – taħt ir-responsabbiltà tiegħu – tat aktar minn 100 proprjetà għall-housing lill-istess Portelli. U fosthom, hemm erbgħa f’Għawdex stess.

Din l-istorja ġiet żvelata llum mit-Times of Malta.

Il-Ministru ta’ Robert Abela spiċċa f’nofs kontroversja enormi wara li sar magħruf illi l-proġett tal-housing f’Ħal Luqa ma tlestiex minħabba li l-kumpanija Malita għandha problemi finanzjarji enormi. Hu kien keċċa lil Marlene Mizzi mit-tmexxija tal-Malita. U din minn naħa tagħha akkużatu li kien hemm indħil politiku fil-Malita, u li Galdes huwa qrib tal-kuntratturi.

Dlonk, ħarġet l-istorja tal-penthouse – fejn Galdes inqabad li xtara din il-proprjetà mingħand Portelli għall-prezz ta’ €140,000 b’garage inkluż.

Intant, Robert Abela stqarr mat-Times li ma jfissirx li l-allegazzjonijiet tal-Eks MEP Laburista Marlene Mizzi “huwa l-Vanġelu”. Iżda fl-istess waqt qed jisħaq li l-Malita għandha tlesti l-proġetti tal-housing li huma fdati lilha.

Dwar il-penthouse li nxtrat minn Galdes f’Għawdex, Robert Abela stqarr li trid issir evalwazzjoni tal-prezzijiet ta’ erba’ snin ilu – bil-Prim Ministru jiddefendi dan id-deal.

Apparti minn hekk, Robert Abela ma jara xejn ħażin li l-kumpaniji ta’ Joseph Portelli ħadu kuntratti mill-Awtorità tad-Djar; li taqa’ direttament taħt Galdes. Dan minkejja li l-Minist– kumbinazzjoni – xtara proprjetà mingħandu għal prezz kważi redikolu.