Għada, l-Erbgħa, se jkunu qed jintlagħbu s-semi-finali tat-Tazza Ġublew, bil-finali għar-rebħ ta’ din il-kompetizzjoni se tkun qed tintlagħab nhar it-Tnejn li ġej, f’jum il-Kunċizzjoni, tintlagħab il-finali għar-rebħ ta’ dan it-trofew. It-Tazza Ġublew hija kompetizzjoni ta’ darba li l-MFA qed torganizza bħala parti mil-programm ta’ ċelebrazzjonijiet li jfakkru l-125 anniversarju mit-twaqqif tal-assoċjazzjoni tal-futbol f’pajjżna.
Għal xi wħud, ir-rebħa ta’ Tarxien Rainbows fuq Marsaxlokk fil-kwarti tal-finali tat-Tazza Ġublew kienet sorpriża. Dan l-istaġun, wieħed miż-żewġ timijiet li ġew promossi mill-Challenge League, Tarxien Rainbows qed jagħtu prestazzjonijiet pożittivi, anke jekk il-punti miksuba s’issa fil-Malta Premier mhux neċċessarjament jirriflettu għal kollox l-isforzi tagħhom. Il-verità hi li l-akbar difett tal-iskwadra mmexxja minn Jacques Scerri, hi n-nuqqas ta’ konsistenza. Mill-bqija, ikun żball jekk xi ħadd ma jagħtix mertu għall-kwalitajiet li għandu dan it-tim.
Għada, Tarxien Rainbows jaffrontaw lil Valletta fis-semi-finali tat-Tazza Ġublew. Għalkemm Tarxien mhumiex meqjusa bħala favoriti biex jaslu sal-finali, ftit jiftakru li din mhix l-ewwel darba li dan l-istess klabb wasal f’dan l-istadju ta’ kompetizzjoni kommemorattiva organizzata mill-MFA. Fl-2010, waqt it-Tazza tal-100 Anniversarju tal-Kampjonat Nazzjonali Malti, ir-Rainbows kienu ukoll waslu sas-semi-finali ta’ dik il-kompetizzjoni rari u ta’ darba, bħal m’hi t-Tazza Ġublew, u b’kumbinazzjoni, l-avversarji tagħhom kienu għal darb’oħra Valletta.
Dak in-nhar, wara li eliminaw lil Balzan u Lija Athletic, Tarxien Rainbows iltaqgħu ma’ Valletta, skwadra li f’dak il-perjodu kienu fl-aqwa tagħhom, nhar l-Erbgħa, 24 ta’ Marzu 2010. Minkejja l-isforzi tagħhom, tilfu 3–1. Gilbert Agius, Michael Mifsud u Njongo Priso skorjaw għal Valletta, filwaqt li l-eks plejer ta’ Valletta Justin Grioli skorja l-uniku gowl ta’ Tarxien Rainbows. Valletta avvanzaw għall-finali ta’ din il-kompetizzjoni, u għelbu lil Floriana biex kienu rebħu t-trofew li kien qed jiċċeleba l-100 anniversarju mill-ewwel kampjonat tal-MFA.
Ta’ min jinnota wkoll li 25 sena ilu, meta kienet intlagħbet il-famuża Tazza Ċentinarju tal-MFA, tim ieħor modest, għalkemm jirrapreżenta lokalità kbira u b’passjoni għal-logħba tal-futbol, Żabbar St Patrick, ukoll kienu waslu sas-semi-finali ta’ kompetizzjoni rari u li kienet ntlagħbet ta’ darba. Din il-kompetizzjoni kienet intlagħbet fl-2000, u kienet parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-MFA fl-okkazzjoni tal-100 anniversarju mit-twaqqif tal-MFA.
Wara li eliminaw lil Dingli Swallows, Mosta u Tarxien Rainbows, is-Saints iltaqgħu ma’ Valletta, li f’dak iż-żmien kienu mmexxija mill-kowċ Bulgaru, Krasimir Manolov.
Dak in-nhar, Żabbar St Patrick ma kienux il-favoriti kontra tim ta’ Valletta li f’dak l-istaġun kien kiteb l-istorja billi rebaħ is-sitt trofej domestiċi kollha. Valletta kienu rebħu 3–0, b’gowls minn Daniel Theuma, awtogowl ta’ Arnold Buttigieg, u ieħor minn Gilbert Agius.
Għal dawk li qed jistagħġbu jaraw lil Tarxien Rainbows u Żabbar St Patrick fost l-aħħar erbgħa tat-Tazza Ġublew, l-istorja turi li t-tnejn diġà kienu f’din il-pożizzjoni darb’oħra. Għaldaqstant, għal dawn iż-żewġ timijiet, li huma determinati li din id-darba jaslu sal-finali tat-Tazza Ġublew, l-esperjenza ta’ post fis-semi-finali ta’ kompetizzjoni prestiġjuża u li għandha sinifikat differenti minn tas-soltu għaliex ma tintlagħbx kull sena, iżda biex tfakkar anniversarju, mhix esperjenza kompletament ġdida.
//= $special ?>

