Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, preseduta mill-Imħallef Doreen Clarke, ċaħdet it-talba tal-Malta Association of Professional Engineers (MAPE) biex jinħareġ mandat ta’ inibizzjoni kontra l-Bord tal-Inġiniera u l-Ministru tat-Trasport sabiex jiġu sospiżi l-proċessi tal-għoti tal-warrants lill-gradwati tal-MCAST.
Ir-rikors, ippreżentat fl-30 ta’ Ottubru, kien jargumenta li l-korsijiet tal-Inġinerija fl-MCAST mhumiex akkreditati mill-Network Ewropew għall-Akkreditazzjoni tal-Edukazzjoni tal-Inġinerija (ENAEE) u għalhekk ma għandhomx jitqiesu bħala ekwivalenti għal dawk tal-Università ta’ Malta. L-Assoċjazzjoni sostniet li dan ipoġġi lill-istudenti tal-Università f’pożizzjoni inġusta u jista’ jnaqqas l-istandard tal-professjoni.
Il-Bord tal-Inġiniera, rappreżentat mill-Avukat Noel Camilleri, wieġeb li l-MCAST hija istituzzjoni self-accrediting bħall-Università, u li l-korsijiet ġew riveduti mill-organizzazzjoni ASIIN — membru fl-ENAEE — li vvalutat kemm il-Pre-Warrant Qualification Course kif ukoll il-programmi akkademiċi bħala “fully aligned with European Bachelor level engineering education standards”.
Fl-analiżi tagħha, l-Imħallef Clarke qalet li biex jinħareġ mandat ta’ inibizzjoni, ir-rikorrent irid juri li għandu jedd prima facie li jista’ jintilef, li hemm bżonn ta’ mandat biex jiġi protett dak il-jedd, li hemm ċertezza jew mill-inqas probabilità li l-att li jixtiequ jżommu lura se jseħħ, u li n-nuqqas tal-mandat joħloq pregudizzju sproporzjonat.
Il-Qorti kkonkludiet li MAPE ma ppruvatx li għandha jedd li seta’ jintilef “mad-daqqa t’għajn”, u lanqas ma nstab li l-inġiniera gradwati mill-Università kellhom jiġu preġudikati b’mod sproporzjonat jekk il-proċess tal-warrants ikompli.
Il-valutazzjoni u r-riformi fl-MCAST, kif ikkonfermati mill-ASIIN, kienu wkoll fattur importanti fid-deċiżjoni, bl-Imħallef Clarke tosserva li ma ġie ppruvat xejn li jindika li l-korsijiet tal-MCAST huma neqsin mill-ekkivalenza Ewropea f’dan l-istadju.
Għaldaqstant, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-mandat ta’ inibizzjoni, irrevokat id-deċiżjoni proviżorja li kienet tat fit-30 ta’ Ottubru, u poġġiet l-ispejjeż kollha fuq l-Assoċjazzjoni rikorrenti.
//= $special ?>

