Lokali

NIŻVELAW: L-investigaturi sabu aktar “materjal” wara li ġie arrestat it-tifel ta’ 14-il sena

Sorsi qrib l-investigaturi li qed jistħarrġu l-każ ta’ Pembroke ikkonfermaw ma’ Net News li waqt l-inkjesta ġie elevat materjal “ta’ interess” u oġġetti oħra li kellu aċċess għalihom it-tifel Libjan li ta daqqa ta’ sikkina lil sieħbu fil-bitħa tal-iskola.

It-tifel se jitressaq il-Qorti aktar tard illejla, għall-ħabta tas-6pm.

Jidher li l-konfront beda wara li l-vittma kien irrappurtah għall-fatt li kien bil-mobajl fl-iskola. Matul l-inċident, student Malti pprova jdaħħal rasu biex iwaqqaf l-aggressjoni u spiċċa weġġa’. U għalhekk, hu ukoll ittieħed l-isptar għall-kura.

Iż-żewġ studenti Libjani ilhom jgħixu Malta minn meta kellhom tliet snin. L-aħbar ikkawżat paniku fost il-ġenituri li marru jiġru lejn l-iskola, b’ħafna jilmentaw li kienu qed isiru jafu x’ġara mill-midja u mhux mill-amministrazzjoni tal-iskola.

Aktar tard, it-tfal bdew jintalbu jinġabru u qabel ma jitilqu ġew eżaminati minn infermiera biex jiġi żgurat li kienu f’qagħda tajba.