Chris Deguara
Is-Sinku PN
Naxxar
Bħala tabib tal-familja jien sirt naf magħkom dwar l-Avviż Legali li ħareġ reċentement il-Gvern b’rabta mal-importazzjoni ta’ mediċini ġodda u oħrajn li għalkemm ikunu fis-suq irid ikollhom ir-reġistrazzjoni tagħhom imġedda mill-ġdid kull sentejn/tliet snin.
Nistqarr li f’kuntatti li kelli ma’ numru ta’ importaturi tal-mediċini f’pajjiżna, dawn ilkoll huma diżgustati bil-fatt li l-awtoritajiet konċernati ma kkonsultaw assolutament xejn magħhom. Jiġifieri dawn l-importaturi kienu notifikati ġimagħtejn ilu mill-Awtorità tal-Mediċini dwar dawn il-miżuri u tariffi li jaffettwawhom direttament fix-xogħol tagħhom.
Jirriżulta li dawn il-miżuri u tariffi mdaħħla mill-Gvern se jidħlu fis-seħħ b’effett mill-21 ta’ Ottubru li għadda. Hi prassi normali li kull mediċina ġdida li tidħol f’pajjiżna għandha bżonn tkun irreġistrata mal-Awtorità Maltija tal-Mediċini. Jirriżulta, biex inkunu ġusti, li l-miżati imposti mill-Awtorità tal-Mediċini kienu ilhom għal dawn l-aħħar snin ma jogħlew fil-prezz.
Issa b’dan it-tibdil li qed isir min-naħa tal-Gvern, kull darba li prodott ġdid ikun reġistrat minn miżata minn ċirka €450 din issa se tkun qed titla’ għal €1,000. Dan ifisser li dawn il-miżati se jkunu qed jogħlew b’aktar minn mija fil-mija.
Lil hinn minn dan il-ħlas għar-reġistrazzjoni ta’ darba, kull importatur għandu reġistrazzjoni oħra annwali x’jonora li din ukoll se tkun qed tiżdied fil-prezz minn €275 għal €500. Importatur li għandu għoxrin prodott, dan se jkun qed jesperjenza infiq żejjed ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ewro fis-sena. Dan ifisser li fl-aħħar mill-aħħar il-konsumatur, sakemm ma jagħmilx tajjeb għal dawn iż-żidiet il-Gvern innifsu, se jkollu jkun hu li jġorr il-piż ta’ dawn iż-żidiet finanzjarji.
Minħabba dawn iż-żidiet hemm iċ-ċans li prodotti li ma tantx jimxu fis-suq għax ikunu tajbin biss għal individwi partikulari, dawn jispiċċaw jitneħħew minn fuq is-suq b’detriment għal dawk il-ftit pazjenti li jikkonsmawhom u għalhekk dawn ikollhom jiddubbaw b’mediċini oħra li jkunu jistgħu jsibu fis-suq.
Nemmen li kieku l-Gvern daħal għal konsultazzjoni serja u trasparenti mal-partijiet dwar din il-kwistjoni, kieku ma kienx ikun hemm għalfejn li jinqala’ dan l-agħa kollu u issa li ġraw dawn il-fatti għandu jkun il-Gvern stess li jerfa’ l-piż biex finalment il-pazjenti jkollhom l-għażla mingħajr ma jkunu huma li jġorru l-piż taż-żidiet ta’ dawn il-mediċini.
Dan l-artiklu deher f’Il-Mument tal-Ħadd 30 ta’ Novembru, 2025.
//= $special ?>

